Hekk kif tlaqqa’ għall-ewwel darba l-bord tal-Kunsill Konsultattiv tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCCC, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, saħaq kif dan hu post ieħor minn fejn qiegħed jevolvi s-settur tal-kostruzzjoni f’pajjiżna.
Dan filwaqt li rrikonoxxa kif dan il-Kunsill se jkun qed ikompli jimbotta nurmu ta’ inizjattivi fis-settur tal-bini mis-sena li ġejja ’l quddiem.
F’din il-laqgħa, iċ-Chairman ta’ dan il-Kunsill, il-Perit Charles Buhagiar, innota l-funzjoni li se jkun qed jaqdi l-istess Kunsill hekk kif se jservi ta’ forum fejn jiġu diskussi ideat u regolamenti proposti mal-partijiet involuti. B’hekk regolamenti ġodda u l-implimentazzjoni tagħhom ikunu tal-ogħla livell.
Sadanittant, Buhagiar spjega kif il-Kunsill se jtellaq riċerka biex jiġi esplorat potenzjal fejn is-settur tal-kostruzzjoni jkun jista’ jitjieb, fosthom fuq kif isir ix-xogħol u prattiċi tajbin li jistgħu jiġu adottati minn barra minn xtutna. Minbarra hekk, il-Kunsill se jara wkoll li jippromwovi din l-industrija fost iż-żgħażagħ,
F’kumment li ta lill-midja, il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega kif dan il-Kunsill se jieħu post dak li kien magħruf bħala BICC u awgura kull suċċess lil dawk kollha involuti.
“Dan hu kunsill ġdid li twassal permezz ta’ liġi ġdida li qed jieħu post dak li kien imsejjaħ il-BICC. Kunsill li se jkun qed jipparteċipa f’diskussjonijiet fit-tiġdid li se nkomplu nagħmlu fil-qasam tar-regolamentazzjoni tal-bini f’pajjiżna. Nawgura lil dawk kollha f’dan il-Kunsill għal aktar ħidma, għal aktar diskussjoni, għal aktar konsultazzjoni biex inwettqu din il-bidla flimkien.”
Stefan Zrinzo Azzopardi – Ministru