Biex is-settur marittimu jkun b’saħħtu jrid ikun sostenibbli u li jħares l-ambjent.
Dan kien il-messaġġ ewlieni li ħareġ f’konferenza bit-tema “Mediterranean Energy and Shipping Conference”, li ppromoviet standards u għarfien ġdid f’dawn l-industriji.
Waqt din il-konferenza ġew diskussi l-aħħar avvenimenti ġeopolitiċi, li fl-aħħar xhur ħolqu tfixkil kbir fis-swieq globali taż-żejt, it-tbaħħir u l-bunkering.
Il-kelliema tkellmu dwar id-diversi impatti li dawn l-avvenimenti ħolqu fuq għadd kbir ta’ pajjiżi u kif dawn l-avvenimenti ħolqu elementi destabilizzanti għat-Turkija, il-Baħar l-Iswed, u l-Mediterran.
Ġew diskussi wkoll il-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet li jniġġsu l-arja u li s-settur marittimu jkun sostenibbli u jirrispetta l-ambjent.
Għal din il-konferenza attendew fost l-oħrajn, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, u l-Ministru għat-Trasport, l-infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia.
Il-Ministru Dalli qalet li pajjizna għandu l-vizjoni li, filwaqt li jinvesti fis-sostenibilità, jħares lejn l-impjiegi u setturi importanti oħrajn f’pajjiżna.
Semmiet diversi proġetti li pajjiżna qiegħed jagħmel biex ikollu settur marittimu iktar ekoloġiku u sostenibbli, fosthom il-proġett tas-shore to ship, li se jagħti nifs qawwi lill-akkwati tal-Port il-Kbir.
Permezz ta’ dan il-proġett, it-tniġġis fl-arja li jikkawżaw il-bastimenti sorġuti fil-Port il-Kbir se jonqos b’disgħin fil-mija għax se jkunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom.
Min naħa tiegħu, il-Ministru Farrugia qal li, fi żmien meta d-dinja kollha qed tiffaċċja numru ta’ kriżijiet, Malta qed tirreġistra tkabbir ekonomiku bla preċedent.
Qal li l-industriji ta’ pajjizna mhux biss sejrin tajjeb, iżda huma wkoll sostenibbli.
Żied jgħid li l-prevenzjoni u l-kontroll tas-sigurtà u t-tniġġis jibqgħu prijorità u li t-Transport Malta, li bħalissa qed ttejjeb il-kapaċitajiet ta’ rispons għat-tniġġis, dan l-aħħar ħarġet tender biex ittejjeb is-Servizzi tat-Traffiku tal-Bastimenti.