Tlaqqgħet it-tieni sessjoni tal-Kummissjoni Konġunta tal-Kummerċ bejn Malta u t-Turkija.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ hekk kif il-Ministru Ian Borg żar it-Turkija għal din it-tieni sessjoni.
F’din is-sessjoni, il-Ministru Ian Borg flimkien mal-Ministru għall-Kummerċ tat-Turkija Mehmet Muş qablu li din il-Kummissjoni hija turija ċara tar-relazzjonijiet bilaterali b’saħħithom li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi, anke fid-dawl taż-żjara li kellu ftit tal-ġimgħat ilu mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Mevlüt Çavuşoğlu.
“Issa kif iż-żewġ Gvernijiet, ministeri u entitajiet differenti imma umbagħad anke l-Kmamar tal-Kummerċ u entitajiet oħrajn, jistgħu jkomplu jaħdmu fuq dak li ffirmajna llum sabiex mhux biss insaħħu r-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi imma fuq kollox il-kummerċ.”
Waqt il-laqgħa tal-Kummissjoni l-Ministru Borg tkellem dwar kif Malta se tkun qed taħdem biex fiż-żmien li ġej potenzjalment tittella’ ukoll delegazzjoni ta’ kummerċ fit-Turkija, sabiex ikunu jistgħu jsiru aktar laqgħat ta’ bejn in-negozji miż-żewġ pajjiżi.
Intqal ukoll kif iż-żewġ pajjiżi qed iħarsu lejn kollaborazzjoni f’diversi setturi, primarjament it-teknoloġija, it-turiżmu, il-film, l-edukazzjoni, l-agrikoltura, il-marittimu u anke l-infrastruttura.
“Iddiskutejna d-diversi aspetti li fuqhom diġà hemm kummerċ b’saħħtu bejn Malta u t-Turkija. Kif nistgħu ntejbu dan? Liem huma n-niċċeċ u s-setturi ekonomiċi fejn nistgħu naraw aktar kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi rispettivi.”
Il-ministri ddiskutew ukoll id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom in-negozjanti taż-żewġ pajjizi minn żmien għall-ieħor u kif dawn jistgħu jittaffew.