Filwaqt li l-Parlament jinsab fi stadju ta’ kumitat fuq ir-riforma fl-inkjesti maġisterjali, wara li kien hemm aktar minn tmien seduti fi stadju ta’ tieni qari, l-għaqda Repubblika li qed isservi ta’ forċina għall-Partit Nazzjonalista, kompliet bil-kampanja ta’ diżinformazzjoni totali fuq dak propost.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista, fejn intqal li l-għaqda ta’ Robert Aquilina u Jason Azzopardi, qed ixerred filmat b’diżinformazzjoni fuq għadd ta’ aspetti tar-riforma u dan f’tentattiv li jattiraw nies għall-protesta.
Fost id-diżinformazzjoni qed jikkontradixxu lilhom infushom, billi l-ewwel jgħidu li ser jitneħħa d-dritt li ċittadin jitlob ftuħ ta’ inkjesta, imma fl-istess nifs jgħidu li jekk ċittadin jitlob ftuħ ta’ inkjesta u ma tinstabx ħtija, iċ-ċittadin jeħel multi kriminali.
Intqal kif kuntrarjament għal din id-diżinformazzjoni, il-liġi tipprovdi l-possibilità li l-Maġistrat jista’ jiddeċiedi li jikkundanna lil min ikun ippreżenta t-talba ta’ inkjesta, b’rapport, denunzja jew kwerela infondata, frivola, vessatorja jew abbużiva, il-ħlas tal-ispejjeż.
Daqstant ieħor hija diżinformazzjoni qarrieqa li jingħad li ċ-ċittadin tneħħilu d-dritt li jitlob il-ftuħ ta’ inkjesta, hekk kif it-talba għall-ftuħ ta’ inkjesta, mhux talli ma tneħħietx talli ġiet elevata għal quddiem il-Qorti Kriminali. Mhuwiex lanqas korrett li jingħad li ċittadin irid jipprova reat qabel tinfetaħ inkjesta.
Intqal kif l-għaqda estrema, li hija l-istess għaqda li ftit ġimgħat ilu l-Qorti talbet investigazzjoni fuqha minħabba leaks sfaċċati minn inkjesta, kompliet ukoll bl-attakk fuq il-Pulizija fejn qed jintqal li l-Pulizija la jagħmlu talbiet għall-ftuħ ta’ inkjesti u la jinvestigaw il-korruzzjoni. Anke hawn, l-istorja turi l-kontra ta’ dan, hekk kif konfermat mill-Kummissarju tal-Pulizija nnifsu f’intervista li kellu fl-aħħar jiem.
Għall-kontra ta’ dak li qed jippruvaw jallegaw l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista u l-għaqda Repubblika, il-Maġistrati se jibqgħu jaħtru l-esperti neċessarji fid-diskrezzjoni tagħhom, imma bi proċess aktar kontabbli mhux biss mill-aspett finanzjarju, imma wkoll ta’ kompetenza.
Il-Partit Laburista jibqa’ kommess li kif wiegħed fil-manifest elettorali tiegħu ‘Malta Flimkien’, jirriforma bis-sħiħ l-inkjesti maġisterjali u dan biex tissaħħaħ din l-għodda investigattiva filwaqt li ssir ġustizzja effettiva mingħajr ma tintuża bħala għodda ta’ persekuzzjoni.
Ir-riforma li ressaq ‘il quddiem Gvern Laburista, mhux biss saħħet il-proċess iżda daħħlet kontabilità ċara tul il-proċeduri kollha, b’responsabilitajiet identifikati u drittijiet imsaħħin liċ-ċittadin u lis-suspettati, fl-istadji kollha tal-proċess – temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.