Huma ħafna dawk li qed jitkellmu dwar is-sensiela Jackpot 4 li qed tixxandar kull nhar ta’ Erbgħa fuq ONE. Sensiela ta’ kriminalita’ politika li tħallik fuq ix-xwiek minn xena għal oħra. Iżda, żgur li waħda mix-xeni li s’issa f’dawn l-erba’ episodji li xxandru u li żgur kulħadd qed jitkellem dwarha, hija l-isplużjoni mal-karozza li ħalliet it-tifel ta’ Profs Deguara, s-Supretendent tas-saħħa pubblika, mejjet fuq il-post.
Xena ta’ qsim il-qalb li nvolviet ħafna xogħol. One.com.mt tkellem ma’ Krista Paris, artista tal-irtokk li ħadmet fuq irtokk speċjali għal din ix-xena. Krista qaltilna li din ix-xena ma kinet faċli xejn għal ħafna raġunijiet; L-ewwel nett il-kunċett huwa wieħed kumpless u l-irtokk ried jinvolvi ħafna xogħol ta’ dettal biex tinħoloq xi ħaġa realistika biżżejjed għat-televiżjoni u t-tieni nett l-artista kellha taħdem ġewwa ‘car-park’ fejn ma kelliex il-kumditajiet kollha.
‘’Faċli li timla lil xi ħadd b’attaparsi demm, imma biex toħloq xi ħaġa realistika trid tibni l-effett biċċa biċċa, dettal wara ieħor u tikkunsidra kif il-ġisem jinbidel meta jkun espost għal splużjoni jew nar. Il-ħruq waħdu jista’ jkun ta’ intensitajiet differenti u l-partijiet differenti tal-ġisem jinħarqu ukoll b’mod differenti. Ikollok tikkunsidra wkoll it-texture tal-ġilda biex ir-riżultat ikun wieħed 3D fejn biċċiet mill-ġilda jaqgħu, jiffurmaw blisters jew jinġibdu’’
KRISTA PARIS – MAKEUP ARTIST
Xena bħal din, żgur li tieħu ammont ta’ ħin fil-preparazzjoni. Din ix-xena kienet waħda diffiċli u kienet kedda għall-produtturi u xejn inqas għall-artista tal-irtokk li għalkemm xtaqet li kellha mat-3 siegħat xogħol, fil-verita’ kellha tlesti l-irtokk kollu f’siegħa!
‘’Sfida kbira, imma kont lesta li naċċettaha. Meta qaluli biex nagħmel l-irtokk ta’ din ix-xena kont kuntenta ħafna għax dan it-tip ta’ rtokk jogħġobni mmens. Fl-opinjoni tiegħi x-xena ħarġet tajba ħafna għalavolja konna kemm xejn limitati bil-ħin għall-irtokk. Il-produtturi komplew ħolqu effett sabiħ u tajjeb bid-dawl u għalhekk l-effett tal-irtokk li ħdimt fuqu jien, kuntenta li ħareġ tajjeb ħafna u naħseb li rnexxielhom perfettament ukoll li dak li ħdimna għalih wasal għand is-segwaċi’’
KRISTA PARIS – MAKEUP ARTIST
Jackpot 4 issa ser ikompli bil-ħames episodju nhar l-Erbgħa 9 ta’ Novembru hekk kif f’dawn il-ġimgħatejn mhux ser ikun qed jixxandar minħabba xandiriet u programmi speċjali li ONE qed iwwassal relatati mal-baġit 2023.
Intant segwi hawn x’se tara fil-5 episodju ta’ din is-sensiela: