Il-Qorti ma laqgħetx it-talba ta’ armla li talbet biex ma tiġix imkeċċija mid-dar matrimonjali tagħha f’Birkirkara. Dan wara li f’sentenza preċedent, il-Qorti ddikjarat li l-mara ma kelliex dritt li tgħix fiha għax kienet tabbuża lil żewġha.
Il-Qorti semgħet kif il-mara, ta’ nazzjonalita’ barranija, kienet iltaqgħet mar-raġel tagħha permezz tal-internet fejn kienu żżewġu wara ftit żmien. Huma kien ikollhom problemi biex jikkomunikaw, hekk kif il-mara ma kinitx taf titkellem bl-Ingliż. Il-mara sostniet li l-qraba tar-raġel kienu ħaduha kontriha għax hi ma setgħetx ikollha tfal, fejn kienu jħeġġuh biex jitlaqha.
Il-mara allegat li r-raġel kien isofri minn skizzofrenija, u li l-wirt li għamel l-aħħar fl-2012 fejn lilha ma nkulidijiex, għandu jitqies bħala wieħed invalidu.
Rigward dan hi qalet li wieħed għandu jħares lejn il-wirt tal-2007, fejn fih ir-raġel kien kiteb li għandha dritt għal 80% minn dak li kien tiegħu.
Omm ir-raġel, li tilfet ħajjitha wara battalja mal-kanċer, kienet qalet li mhux vera li t-tifel tagħha kellu problemi fis-saħħa mentali, tant li kellu karriera ta’ engineer.
Kienet qalet li l-mara kienet tabbużah fizikament, fejn f’okkażjoni minnhom kienet waddbitlu sikkina meta kien sejjer għax-xogħol. Kienet allegat ukoll li l-ewwel wirt inkiteb wara li rċieva għadd ta’ theddid u xebgħat, fejn kienet qalet li dakinhar li nkiteb binha kienmar jgħidilha li ma jixtieqx jibqa’ ma’ martu.
Għalkemm il-Qorti kienet tat lill-mara sena ċans biex titlaq mid-dar, bil-patt u l-kundizzjoni li ma jgħix ħadd magħha l-omm kienet qalet li mal-mara kien hemm persuni oħra jgħixu magħha.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Jacqueline Padovani Grima, iddeċidiet li r-raġuni li tat il-mara biex ma tiġix imkeċċija mir-residenza matrimonjali mhix valida. Żiedet billi qalet li anke jekk ir-residenza għalissa ma tistax tinbiegħ, dan ma jfissirx li hi għandha dritt tgħix fiha.
Il-Qorti rrimakat li l-mara tilfet id-dritt li tgħix f’din ir-residenza wara deċiżjoni li ttieħdet f’każ preċedenti li ġie kkonfermat ukoll b’appell, li ddiskjarat li l-mara kienet tabbuża lir-raġel tagħha u għalekk ma kinitx intitolata li tibqa’ tgħix fir-residenza tiegħu wara mewtu.