Donna Borg ta’ sebgħa u għoxrin sena wieġbet mhux ħatja iżda baqgħet tinżamm arrestata wara li ttellgħet il-Qorti mixlija li kisret kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest.
L-Ispettur Lydon Zammit spjega li l-mara ngħatat il-ħelsien lura f’Ġunju tas-sena l-oħra u fost il-kundizzjonijiet li ngħatat kienet li tiffirma kuljum fl-għassa.
Kundizzjoni li kisret diversi drabi skont l-Ispettur minkejja li twiddbet għal darba, darbtejn kif ukoll biddlet l-indirizz tagħha mingħajr ma nfurmat lill-pulizija.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia semgħet kif il-mara għal xi żmien kienet bla saqaf fuq rasha u bħalissa qiegħda tirċievi trattament għall-vizzju tad-droga.
Waqt is-seduta, l-Avukat tal-għajnuna legali nforma lill-Qorti b’kunflitt ta’ interess li kellu fil-każ u għaldaqstant ma setax jiddefendi lill-mara fil-każ tagħha.
Fl-awla l-mara bkiet u tkarrbet biex ma tintbagħatx il-ħabs u talbet għall-ħelsien mill-arrest.
Din it-talba kienet miċħuda mill-Qorti u baqgħet tinżamm taħt arrest preventiv.
Il-Maġistrat Farrugia kellu diversi kliem għall-akkużata.
Fost oħrajn qalilha, “Isma’ minn min iridlek il-ġid!”