Strajk ġenerali fil-Greċja ħoloq waqfien fis-servizzi pubbliċi madwar il-pajjiż bil-vapuri jibqgħu marbuta fil-port, l-ajruplani ma tarux u t-trasport pubbliku ħadem biss għal ftit ħin, hekk kif l-unjins qed jippressaw lill-Gvern biex itemm il-miżuri ta’ awsterità li kienu imposti fuq il-Greċja għaxar snin ilu mill-kredituri internazzjonali.
L-unjins qed jitolbu żidiet fis-salarji u r-ritorn tad-dritt li jinnegozzjaw kollettivament, hekk kif dawn kienu ġew sospiżi meta l-Greċja ingħatat ‘bailouts’ internazzjonali meta għaddiet mill-kriżi finanzjarja. Huma qed jgħidu li l-pagi preżenti lanqas biss huma biżżejjed għal 20 ġurnata aħseb u ara xahar kif ukoll qed jitolbu sabiex jissaħħu l-miżuri tas-saħħa u l-edukazzjoni, kif ukoll il-kundizzjonijiet dejjem jiħżienu tal-ħaddiema b’detriment għas-sigurtà tagħhom meta l-profitti tal-monopolji l-kbar dejjem qed jiżdiedu.
L-unjin li tirrappreżenta s-settur pubbliku, qed titlob għal żidiet fil-pagi u li jerġa jibda jingħata l-bonus tal-vakanzi lil dawk li jaħdmu fis-servizz ċivili li, qabel kien ġie abolit minħabba l-miżuri ta’ awsterità, kien ekwivalenti għal xahrejn salarju.
Eluf ta’ dimostranti mmarċjaw fiċ-ċentru ta’ Ateni f’żewġ dimostrazzjonijiet paċifiċi separati.
L-istrajk ta’ 24 siegħa kien imsejjaħ miż-żewġ unjins prinċipali li taħthom jaqgħu is-setturi pubbliċi u privati.
Titjiriet kummerċjali minn u lejn il-Greċja kif ukoll dawk domestiċi kienu kkanċellati minn nofsillejl ta’ l-Erbgħa sa nofsillejl tal-Ħamis filwaqt li fil-belt kapitali Griega t-trasport pubbliku ħadem biss għall-parti mill-ġurnata.