Membri tal-ekwipaġġ tal-Air Malta li kellhom jaħdmu titjira lejn Moska jumejn ilu, irrapportaw sick, bil-konsegwenza li t-titjira inkwistjoni ttardjat b’aktar minn għaxar sigħat u tħarbtu bosta titjiriet oħra.
Fi stqarrija, il-linja tal-ajru qalet li l-membri tal-ekwipaġġ kollha ta’ din it-titjira rrappurtaw li ma jifilħux, u meta ssejjaħ l-ekwipaġġ li kien standby biex jieħu post dawn il-membri tal-ekwipaġġ li kienu sick, il-kobdot ukoll irrapporta li ma jiflaħx.Hawnhekk il-kumpanija kellha tistenna ajruplan mikri biex jiġi Malta, u kriet Airbus A321 – kemm biex imur Moska kif ukoll biex jopera t-titjira KM100 u KM101 minn Malta lejn Londra u lura. Din it-titjira ttardjat bi kważi tliet sigħat.
Numru ta’ titjiriet oħra matul il-jum tal-bieraħ ġew affetwati u ttardjaw bejn għoxrin u erbgħin minuta.
Dan kollu sewa lill-Air Malta aktar minn ħamsa u tmenin elf ewro. Il-linja tal-ajru Maltija skużat ruħha għal kull inkonvenjent.