L-istrajk ġenerali li sar ilbieraħ fil-Belġju żamm l-ajruporti kollha magħluqin u kkawża kaos fit-trasport pubbliku hekk kif iċ-ċittadini pprotestaw kontra l-pjanijiet ta’ awsterità mill-gvern.
Il-midja lokali rrappurtat kif uħud mid-dimostranti anke mblukkaw l-aċċess għall-uħud minn negozji fiċ-ċentru kummerċjali.
Dan l-istrajk kien it-tieni wieħed biex jipprotestaw kontra l-proposti tal-gvern biex jirriforma l-pensjonijiet u s-suq tax-xogħol.
Ir-riformi ippjanati fil-pensjonijiet jippremjaw lil dawk li jibqgħu jaħdmu wara l-età tal-pensjoni b’35 sena servizz filwaqt li dawk li jirtiraw mingħajr il-35 sena jkunu suġġetti għall-penali. Din is-sistema l-ġdida mhiex favorevoli għal dawk li l-introjtu tagħhom huwa baxx ikkomparata ma’ dik eżistenti li tipprovdi għal għotja ta’ somma skont it-tul ta’ żmien maħdum.
Sadanittant, hekk kif imħabbar il-ġimgħa l-oħra mistennija aktar azzjonijiet industrijali bi protesta għal dawn il-miżuri speċjalment mill-unjins tal-ħaddiema tal-ferroviji bi strajks ippjanati kull nhar ta’ Tlieta matul dan ix-xahar.