Minn nhar it-Tnejn li ġej il-linja Nazzjonali tal-ajru l-Air Malta se tkun qed toffri titjiriet ġodda għal persuni li għal xi raġuni nqabdu Malta u jixtiequ jirritornaw lura pajjiżhom. It-titjiriet se jkunu offruti minn Malta lejn Londra, Pariġi, Amsterdam, Brussell, Frankfurt u Vjenna. Biex wieħed jixtri biljett irid juri li se jkun qed jivvjaġġa lejn pajjiżu fiż-żona Schengen jew fir-Renju Unit billi juri passaport jew xi forma oħra ta’ identifikazzjoni.
Fi stqarrija l-linja Nazzjonali tal-ajru qalet ukoll li din l-iskeda ta’ emerġenza se tagħmel tajjeb għal xi każijiet mediċi urġenti. Spjegat ukoll li mhux se jkun possibbli li l-passiġġieri jagħmlu check-in mis-sit elettroniku, biex b’hekk l-Air Malta jkollha kontroll aħjar fuq il-validità tal-passiġġier.
Kull persuna li se jkun qed jivvjaġġa barra minn Malta permezz ta’ xi titjira minn din l-iskeda se jintalab ikun l-ajruport internazzjonali ta’ Malta sagħtej u nofs qabel it-tluq.
Il-biljetti għat-titjiriet jistgħu jinxtraw mis-sit elettroniku tal-Air Malta jew mill-aġenti tal-ivvjaġġar.