Għexieren ta’ Maltin, li llum waranofsinhar kellhom jivvjaġġaw lejn Ċipru jew Dubai, inqabdu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara aktar minn ħames sigħat.
Dan hekk kif it-titjira tal-Emirates tħassret ħesrem minħabba “raġunijiet tekniċi”, skont informazzjoni li għandu ONE News.
Passiġġieri fl-Ajruport ġew informati li t-titjira EK109 kellha tiġi abbandunata mal-wasla tagħha f’Ċipru mill-Emirati Għarab Magħquda dalgħodu. Din kellha tasal Malta kmieni waranofsinhar.
Waqt li titjira oħra, bl-istess numru, ġiet skedata biex titlaq minn Ċipru għall-ħabta tal-5:30 u tasal Malta fis-7:15 tal-lejla, jirriżulta li din kienet għadha ma telqitx.
Hu maħsub li passiġġieri Maltin ukoll jinsabu maqbudin f’Ċipru, waqt li kienu fi triqithom lejn pajjiżna.