Titjira mhux tas-soltu. Dan hekk kif ajruplan tal-linja tal-ajru Turkish Airlines tela’ fl-ajru b’numru ta’ passiġġieri u niżel b’passiġġiera oħra. Dan wara li mara li kienet qed tistenna tarbija weldet tarbija abbord l-ajruplan li kien qed itir 12,800 metru ‘l fuq mill-art.
Minkejja li l-omm kienet qed tistenna li twelled it-tarbija mdawra bil-qwiebel iżda minflok hija ngħatat l-għajnuna biex twelled mill-passiġġiera u l-membri tal-ekwipaġġ abbord titjira minn Guinea għal Istanbul.
Fi stqarrija t-Turkish Airlines spjegat li l-omm ingħatat l-assistenza biex twelled wara li l-membri tal-ekwipaġġ intebħu li l-omm, li kellha 28 ġimgħa tqala, kienet qed tħoss l-uġigħ ta’ qabel it-twelid u għalhekk l-unika għażla li kellhom biex l-omm ma titlifx it-tarbija kienet li jxammru l-kmiem u jassistu lill-omm.
B’xorti tajba l-omm u t-tarbija, li ngħatat l-isem ta’ Kadiju, ittieħdu l-isptar wara li l-Boeing 737 nieżel f’Burkina Faso. B’xorti tajba kemm it-tarbija u l-omm jinsabu tajbin. Nisa li jkunu qed jistennew tarbija jitħallew isiefru sakemm ikollhom 36 ġimgħa tqala, iżda wara li t-tqala tidħol fit-28 ġimgħa, jiġu mitluba jippreżentaw ittra minn għand it-tabib bid-data li l-mara tkun mistennija twelled.