Memorandum of understanding bejn Malta u l-pajjiżi tal-golf se jkompli jkabbar ir-relazzjoni tajba li hemm bejn pajjiżna u dawn il-pajjiżi.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-affarijiet barranin George Vella qal li matul il-laqgħa tiegħu mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-koperattiva tal-Golf, Abdullatif bin ashid Al Zayani, ġew diskussi temi kurrenti fil-pajjiżi ta’ madwar il-Golf fosthom il-Yemen, Sirja u l-Libja li għaddejjin minn numru ta’ kunflitti.
Il-Ministru saħaq fuq l-importanza ta’ dan il-memorandum of understanding li se jkun qed jagħti struttura aħjar lir-relazzjoni bejn Malta u l-pajjiżi tal-Golf dan hekk kif, fost oħrajn, jassigura minn tal-inqas żewġ laqgħat annwali bejn rappreżentanti tal-pajjiż u Malta. Dan huwa ta’ vantaġġ għal pajjiżna hekk kif ikabbar l-interess li dawn il-pajjiżi jinvestu f’Malta.