Fil-jiem li għaddew bdiet ħidma sabiex isiru xogħlijiet ta’ titjib u tiswijiet f’għadd ta’ toroq fil-qalba ta’ San Ġiljan u Paceville, bi tħejjija għaż-żieda fl-attività tas-setturi turistiċi u tad-divertiment matul is-sajf.
Wara diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-għaqdiet kummerċjali, il-Ministeru għat-Transport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali beda għadd ta’ interventi ta’ titjib tat-toroq f’dawn l-inħawi, hekk kif sar qabel is-sajf li għadda fl-inħawi tal-Qawra u Buġibba.
Din il-ġimgħa, permezz ta’ xogħol bil-lejl, il-kuntratturi lestew l-asfaltar mill-ġdid ta’ Triq San Ġorġ, fil-Bajja ta’ Spinola. Fil-ġimgħat li ġejjin ser isir xogħol simili f’diversi toroq oħra f’dawn l-inħawi, bl-għan li l-infrastruttura ta’ din iż-żona tingħata spinta ’l quddiem qabel l-istaġun tas-sajf.
Ħidmiet oħra bi tħejjija għas-sajf għaddejjin ukoll matul diversi rotot li jwasslu għal bajjiet ewlenin, fosthom it-toroq lejn St Peter’s Pool f’Delimara, ir-rotta ewlenija li twassal għall-Mellieħa, l-Għadira, l-Armier u ċ-Ċirkewwa, fost oħrajn. Għaddej ġmielu wkoll ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid tat-toroq li jwasslu għax-xtajta ta’ Għar Lapsi, fis-Siġġiewi.
Dan huwa parti mill-investiment sostanzjali li l-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali qed jagħmel bis-saħħa tal-ħidma kontinwa li qed titmexxa mid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ta’ Transport Malta. Fiż-żmien li ġej dan id-Direttorat ser ikun qiegħed jgħaddi taħt l-aġenzija ġdida Infrastructure Malta,li ser tkun qed tfassal u twettaq l-investiment ta’ €700 miljun tal-Gvern fis-snin li ġejjin, biex niksbu qabża kbira ’l quddiem fl-effiċjenza, is-sigurtà u l-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq ta’ Malta u Għawdex.
Ritratt– MTIP