Flimkien ma’ Transport Malta, il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali għamel ħidma fuq madwar 25 proġett matul dan is-sajf.
Uħud mix-xogħlijiet għadhom għaddejjin, u l-maġġoranza mistennija jitlestew ftit ġimgħat oħra. Fost ix-xogħlijiet il-kbar, bħalissa għaddej titjib ta’ arterji prinċipali f’Ħal Qormi.
Il-Ministru Dr Ian Borg indirizza konferenza tal-aħbarijiet viċin tar-roundabout fejn qegħdin isiru x-xogħlijiet bħalissa. Waqt din il-konferenza, huwa fakkar li l-Ministeru u Transport Malta għaddejin b’ħidma estensiva, sabiex b’interventi żgħar itaffu d-diffikultajiet tat-traffiku u jżidu s-sigurtà fit-toroq. Huwa sostna li x-xogħol f’Ħal Qormi qiegħed isir bi ħsieb sabiex ikun hemm l-inqas impatt possibli fuq l-inħawi, l-ambjent u r-residenti ta’ din il-komunità.
Dan il-proġett qiegħed isir f’erba’ fażijiet, li jinkludu t-titjib ta’ Triq Manwel Dimech u taż-żewġ roundabouts fit-truf tagħha, kif ukoll xi interventi fi Triq l-Imdina.
Il-Ministru qal li t-traffiku li jeħel ta’ kuljum f’dawn l-arterji mhuwiex biss minħabba li din hija arterja prinċipali li tgħaqqad bosta lokalitajiet, imma wkoll minħabba ż-żoni industrijali li jinsabu fil-viċin. Frott ta’ dawn iż-żoni u tal-Marsa Park and Ride fil-viċin, jgħaddu bosta vetturi kbar minn dawn it-toroq.
Waqt l-aktar ħinijiet traffikużi tal-ġurnata, jgħaddu aktar minn 2300 karozza tal-passiġġieri u 316-il vettura kbira fis-siegħa. Il-vetturi kbar jammontaw għal 13% tat-traffiku kollu minn dawn it-toroq, 7% aktar minn dak li normalment naraw f’roundabouts oħra f’pajjiżna. Minħabba l-fatt li vettura kbira tħalli l-istess impatt ta’ żewġ karozzi tal-passiġġieri, l-impatt tat-traffiku f’dawn l-inħawi huwa ta’ aktar minn 3000 vettura fis-siegħa.
Il-Ministru spjega x-xogħol li qiegħed isir f’din l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett. Ser tiċkien din ir-roundabout li twassal għal Ħal Qormi mill-Ħamrun u l-Marsa, u l-korsiji se jiġu mfassla aħjar, u ser jiġu rranġati wkoll is-central strips fit-toroq li jinfdu għaliha sabiex jiżdiedu l-approach lanes. Huwa qal li din ser tkun lesta fi ftit ġimgħat oħra. Il-fażijiet l-oħra, li se jsiru b’mod gradwali, jinkludu t-twessiegħ ta’ Triq Manwel Dimech, xogħlijiet fuq ir-roundabout magħrufa bħala tal-Imgħallaq, fejn ser isiru approach lanes ġodda u ser tiġi modifikata r-roundabout, u t-twessiegħ ta’ Triq l-Imdina, b’korsija ġdida fuq kull naħa permezz ta’ tibdil fil-bankini u fl-inħawi madwar l-istess triq, mingħajr ma jiġu affetwati ħażin l-ambjent u l-aċċessibilità.
Dr Borg ikkummenta wkoll dwar is-siġar taż-żebbuġ li hemm mar-roundabout u qal li dawn ser jinqalgħu jerġgħu jitwaħħlu, uħud minnhom aktar ‘il ġewwa u uħud ser jiġu rilokati u jitħawlu mill-ġdid fl-inħawi. Huwa qal li Transport Malta mhux biss qed issegwi l-ordnijiet tal-awtoritajiet ambjentali, iżda qabbdet ukoll konsulent ambjnetali espert fil-biodiversità, sabiex jagħti l-gwida tiegħu fix-xogħlijiet.
Ħabbar ukoll proġett li se jsir sabiex jittaffew id-diffikultajiet f’Ħ’Attard. Huwa qal li l-awtoritajiet u l-gvern jifhmu li hemm diffikultà bejn il-Bypass tal-Imrieħel u Triq l-Imdina f’din il-lokalità minħabba partijiet dojoq ħafna b’bini maż-żewġ naħat, u qal li dan qiegħed jaffettwa ħazin lir-residenti ta’ Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ Attard. Il-Ministru qal li flimkien mal-periti ta’ Transport Malta, il-Ministeru tiegħu qiegħed iqis diversi għażliet, u ser isiru laqgħat ma’ diversi entitatjiet konċernati sabiex jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa. Huwa saħaq li hemm bżonn ta’ soluzzjoni li tagħti biżżejjed flessibilità għall-ħtiġijiet aktar fit-tul b’mod sostenibbli.
Il-Ministru qal li huwa jifhem li l-isfidi li għandna fl-infrastruttura mhux ser jissolvew b’dawn il-ħidmiet biss, u żied jgħid li qed isir ukoll xogħol fuq proġetti aktar estensivi, bħall-ippjanar ta’ mass rapid transport system. Huwa kkonkluda billi wera l-fiduċja tiegħu fis-sinerġija ta’ ħidmiet short u medium term flimkien ma’ ħidma aktar fit-tul kif ukoll b’aktar għarfien u rispett minn dawk kollha li jużaw is-sistemi tat-trasport f’pajjiżna, u qal li b’hekk nistgħu flimkien nibdlu dawn l-isfidi f’opportunitajiet, sabiex ikollna l-infrastruttura tal-ogħla livell li pajjiżna jixraqlu.