“Irridu nibqgħu naħdmu lejn ekonomija sostenibbli u nersqu aktar lejn attività ta’ valur għoli.” Dan intqal mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, meta fil-Parlament ġew diskussi l-estimi tal-Baġit għad-dekasteru tiegħu.
Hu tkellem dwar kif, fl-aħħar għaxar snin, pajjiżna esperjenza tkabbir ekonomiku qawwi, tant li l-ġid nazzjonali kiber bi tliet darbiet meta mqabbel ma’ dak tal-2012. U dan minkejja d-diversi problemi u sfidi, li kkaratterizzaw lid-dinja minn dakinhar.
Sadanittant, il-Ministru Schembri wkoll semma l-pataflun ta’ miżuri, li tħabbru fil-Baġit għas-sena d-dieħla għall-qasam tal-ekonomija u kif dawn jorbtu mal-‘Viżjoni Malta 2050’, li wkoll tħabbret riċentament.
Dan, fost l-oħrajn, ir-riforma fl-operat tal-Malta Enterprise.
Il-Baġit 2025 elenka kif din l-entità ewlenija għall-investimenti f’pajjiżna qed tara titjib fl-iskemi eżistenti u t-tnedija ta’ oħrajn ġodda, fosthom ir-Rent Subsidy Scheme, il-Get Qualified Scheme, il-Qualifying Employment Rules u l-Micro Invest.
“L-istrateġija kienet ejja naċċettaw il-kwantità. Dak iż-żmien iva, jgħidu x’jgħidu l-Oppożizzjoni, kien hawn bżonn il-kwantità, għax kien hawn in-nixfa. Illum il-kwantità m’għandniex bżonnha, għax għandna l-lussu li nagħżlu u hekk qed nagħmlu. Għalhekk ukoll reviżjoni kif semmejt tal-Malta Enterprise fejn jidħlu wkoll l-iskemi.”
Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru sostna l-fatt kif Iż-żgħażagħ huma l-mutur ta’ pajjiżna u, għalhekk, dan il-Gvern qed jinvesti miljun u ħames mitt elf ewro għal startups f’pajjiżna.
Minbarra hekk, minbarra l-għajnuna finanzjarja fi skemi, se jkun qed jinbena incubation centre ġdid ta’ 17,000 metru kwadru, fil-qalba taż-Żona Industrijali ta’ Ħal Far, b’ valur ta’ 33 miljun ewro.
Issemmew ukoll diversi niċeċ ġodda li tnedew fl-2019, bħal dawk tal-video game development u l-esports. Hawnhekk il-Ministru aċċenna li dawn se jkomplu jissaħħu.
Fid-dawl tal-proċess għal ‘Viżjoni Malta 2050’ se tkun qed tiġi aġġornata l-istrateġija tal-Inteliġenza Artifiċjali biex titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini. Dan il-proċess għandu jitlesta sa nofs s-sena d-dieħla.
Il-Ministru għall-Ekonomija għalaq b’messaġġ ċar li l-viżjoni nazzjonali għall-2050 hi dik li nagħmlu minn Malta post fejn in-nies mhux biss jgħixu bl-aħjar mod, imma jirnexxu fil-ħolm u l-aspirazzjonijiet tagħhom.
“Din hi viżjoni ta’ nazzjon. Viżjoni li ħa torbotna għall-25 sena li ġejjin fi prinċipji ċari, fosthom fuq l-innovazzjoni u t-teknoloġija, xi ħaġa li nemmen ħafna fiha. Sostenibilità u ekonomija ekoloġika, infrastruttura u l-iżvilupp tat-talent. Dawn l-erbgħa jridu jkunu pilastri għall-ekonomija ta’ għada. Ftit aktar minn għaxar snin ilu wrietna pajjiż b’rata għolja ta’ qgħad, ekonomija staġnata u b’nuqqas ta’ investiment dirett barrani. Ħdimna biex dawn insolvuhom. Illum għandna sfidi differenti.”