Bħala parti mill-Budget għall-2022, il-Gvern se jkun qed itejjeb l-In-Work Benefit, dak il-benefiċċju li jgħin lin-nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol filwaqt li l-benefiċċju tal-qgħad jinqata’ gradwalment.
Dan hekk kif ser ikunu estiżi l-limiti filwaqt li ser jiżdiedu wkoll ir-rati għall-benefiċċjarji kollha.
Il-Ministru Clyde Caruana fil-qari tad-diskors tiegħu spjega kif għal dawk il-koppji li t-tnejn jaħdmu, il-limitu tad-dħul ser jitla’ minn €35,000 għal €50,000 fis-sena.
Intant għall-koppji fejn jaħdem ġenitur wieħed biss, il-limitu tad-dħul ser jitla’ minn €26,000 għal €35,00 fis-sena.
Għal single parents li jaħdmu, il-limitu tad-dħul ser jitla’ minn €23,000 għal €35,000 fis-sena.
Il-Ministru Caruana żied jispjega li r-rati l-minimi l-ġodda għal madwar 7,000 familja li se jgawdu mit-twessigħ tal-limiti ser ikunu ta’ €200 fis-sena għal kull wild waqt li r-rati kollha eżistenti ser jiżdiedu b’€100 fis-sena għal kull wild ukoll.
Dawn iż-żiedet b’kollox ser ikunu qed jammontaw għal madwar €2 miljun.
Intant se jkunu qed jingħataw €6 miljun lil madwar 40,000 ħaddiem li jaħdmu f’ħinijiet atipiċi, fi tmiem il-ġimgħa u bix-xift mal-privat f’diversi setturi.
Kull ħaddiem li jaqa’ f’din il-faxxa se jkun qed jingħata €150 fis-sena, f’In-work benefit.