L-iskema l-ġdida tal-Energy Audits se tkun qed talloka żieda fil-fondi biex jiġu mgħejjuna aktar negozji żgħar u medji f’firxa ta’ setturi differenti.
Maħluqa biex tnaqqas in-nefqa fl-operat u ssaħħaħ is-sostenibbiltà, l-iskema tal-Energy Audits maħruġa mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, permezz tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, issa qed toffri grant li jvarja bejn €2,500 u €6,000, b’aktar opportunità lill-kumpaniji li jibbenefikaw minn assessjar personalizzat tal-użu tal-enerġija u l-ilma tal-kumpanija.
Dan il-grant se jkun qed jagħmilha aktar faċli lil kumpaniji biex jissieħbu u jagħmlu dan l-Energy Audit fuq medda ta’ setturi ġodda li ġew miżjuda fil-kriterji.

Il-Ministru responsabbli Miriam Dalli faħħret il-potenzjal ta’ din l-inizjattiva li se tagħti spinta l-progress ta’ Malta fl-innovazzjoni sostenibbli.
“Fil-fatt se nkomplu nieħdu l-inizjattivi biex naraw li ngħinu lill-kumpaniji jkunu aktar effiċjenti, sew fl-użu tal-enerġija u anke ilma. Hu għalhekk li qed nirrikonoxxu lil dawk il-kumpaniji li, permezz tal-innovazzjoni, qed jagħmlu pass ’il quddiem.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Bħala parti mill-inizjattivi marbuta ma’ dawn il-premjijiet, total ta’ erbgħin siġra ġew imħawla fi Ġnien Milbrae fil-Mosta … inizjattiva mnedija permezz tal-Premju għas-Sostenibbiltà fl-Enerġija u l-Ilma tal- Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, b’kollaborazzjoni mal-Kamra tal-Inġiniera.
Kif spjegat l-Inġiniera Lorna Taliana Mintoff mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma dan il-premju għandu l-għan li jagħti rikonoxximent lil intrapriżi privati li jimplimentaw proġetti li jkollhom impatt sinifikanti fuq l-użu tal-enerġija u tal-ilma.
Matul il-ħames edizzjonijiet tiegħu, il-premju rċieva total ta’ 22 nomina, riflessjoni tat-tkabbir kontinwu tal-innovazzjoni sostenibbli f’Malta.
“Energy audit hu kkunsidrat l-ewwel pass importanti biex kumpanija tibda t-triq tagħha għas-sostenibbiltà. B’din l-iskema wkoll wessajna wkoll anke s-setturi biex kumpaniji jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-massimu tal-iskema.”
Lorna Taliana Mintoff, Inġiniera, EWA
\