Fix-xhur li ġejjin, il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin se tkun qed toħloq menu tal-ikel ġdid għall-ħabsin kif ukoll se tkun qed timplimenta għadd ta’ miżuri tas-sigurtà li jirriflettu ż-żminijiet tal-llum.
Dan żvelah il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia li spjega kif wara li ġew evalwati t-talbiet tal-ħabsin, beda proċess biex jinħoloq menu ġdid li jilħaq il-ħtiġijiet ta’ dawk kollha li qiegħdin fil-Faċilità.
Hu żied jgħid li waħda mill-premessi li se tkun qed titpoġġa fuq min se jibda jforni l-ikel, hi li joffri opportunità ta’ xogħol u taħriġ lill-ħabsin. Pass il-quddiem li jistà jlesti lil dawk li qegħdin fil-Faċilità għad-dinja ta’ barra.
Il-Ministru żvela wkoll li biex tissaħħaħ is-sigurtà wara l-bibien tal-ħabs, sal-aħħar ta’ din is-sena, se jkunu qed jiġu nstallati teknoloġiji ġodda li fost oħrajn se jeliminaw l-istrip search li tista tkun umiljanti kemm għall-uffiċjal kif ukoll għall-ħabsin.
Intant dwar il-futur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, ONE News tkellem mad-Direttur, is-Sur Alex Dalli li ilu fil-kariga għal dawn l-aħħar sitt ġimgħat.
Hu stqarr li l-pjanijiet tiegħu huma li jkompli jinvesti fil-benesseri tal-uffiċjali biex jirriflettu f’servizz aħjar għall-ħabsin.
Dan kollu seħħ fid-dawl ta’ attività li ġrat fil-Ministeru għall-Intern li fiha nġabru ħames uffiċjali veterani li waslu għall-irtirar tagħhom fejn għall-ewwel darba, ingħataw ċertifikat ta’ rikonoxximent għal karriera twila wara l-bibien tal-Ħabs f’Kordin.