B’investiment ta’ madwar €190,000 mill-Gvern, tlesta l-proġett ta’ titjib tal-aċċess għal żoni rurali f’Ħal Għargħur.
Dan il-proġett inkluda t-tqaxxir u t-tqegħid mill-ġdid tal-asfalt f’numru ta’ toroq.
Is-sindku tal-lokalità, Helen Gauci, qalet li l-kunsill jilqa’ b’sodisfazzjon dan il-proġett għax huwa importanti ferm.
“Aħna bħala kunsill nilqgħu b’idejna miftuħa dawn il-fondi għax allaħares ma jkunux huma biex isiru dawn il-proġetti, li proġetti bħal dan li sar huma importanti ħafna għar-raħal għax aħna mdawrin bl-għelieqi u r-raħħala, u għalihom huwa importanti ħafna.”
Fi żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo spjega li dan il-proġett huwa importanti għall-bdiewa li jaħdmu l-għelieqi f’din iż-żona.
Il-Ministru Refalo qal li permezz tal-pakkett ta’ fondi Ewropej, il-gvern se jkompli jkun ta’ spalla mal-bdiewa, mar-raħħala, u mas-sajjieda b’diversi għajnuniet diretti.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, spjega li permezz ta’ budget ta’ aktar minn €22 miljun minn fondi Ewropej se jkunu ffinanzjati 36 proġett li se jtejbu 160 triq rurali.