Il-proġett ta’ titjib tas-sistema tad-drenaġġ fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa għaddej b’ritmu mgħaġġel. B’investiment ta’ xejn inqas minn €2.6 miljun, għaddej proġett li jinkludi t-titjib ta’ 2.1 kilometru ta’ pajpijiet tad-drenaġġ kif ukoll fit-tisħiħ tan-network tal-ilma potabbli.
Dan il-proġett hu mfassal biex isaħħaħ l-infrastruttura kemm għar-residenti kif ukoll għan-negozji tal-lokalità. Residenti u rappreżentanti minn Birżebbuġa esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għall-progress, li diġà sar s’issa f’dan il-proġett.
Dawn id-dettalji ħarġu waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol mill-Ministru responsabbli, Miriam Dalli, li qalet li l-Gvern jibqa’ kommess li jinvesti fl-infrastruttura essenzjali u kruċjali għall-iżvilupp ta’ pajjiżna.

Sostniet li dan il-proġett hu eżempju ċar tal-impenn tal-Gvern biex jindirizza malajr l-isfidi u jipprovdi benefiċċji fit-tul għall-komunitajiet lokali.
Preżenti wkoll fuq il-post kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia.
Hu spjega li t-titjib fin-network tad-drenaġġ se jindirizza l-problema ta’ infiltrazzjoni ta’ ilma baħar u jżid il-kapaċità tal-pajpijiet prinċipali li jservu wkoll lill-akwati ta’ Ħal Far u l-Qajjenza. Bis-sistemi li se jsiru se jiżġuraw li l-provvista tal-ilma tkun b’saħħitha u effiċjenti għar-residenti tal-lokalità.
Dan il-proġett mistenni li jitlesta sas-sajf tas-sena d-dieħla. Sadanittant, qed topera shuttle bus tul Triq il-Bajja s-Sabiħa, filwaqt li d-direzzjonijiet alternattivi għall-vetturi huma mmarkati b’mod ċar biex jiġi kkontrollat it-traffiku, bl-aċċess għall-mixi jibqa’ xorta waħda miftuħ.