Iċ-check-in hall tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ser ikunu qed isirulha xi xogħlijiet bħala parti minn proġett li se jkun qed itejjeb il-faċilitajiet tal-ajruport li huwa għaddej bħalissa, b’investiment totali li jlaħħaq it-12-il miljun ewro.
Filwaqt li din il-parti tat-terminal diġà sarulha xi tibdiliet, bħal pereżempju r-rilokazzjoni ta’ ċerti uffiċċji u linstallazzjoni ta’ desk tal-informazzjoni ġdida, fil-jiem li ġejjin ser jingħata bidu għal xogħlijiet aktar sinfikanti, bi tħejjija għat-titjib tas-sistema tal-ajruport li tipproċessa l-bagalji (Baggage Handling System – BHS).
Ix-xogħlijiet li ser isiru jinkludu wkoll t-tisbiħ taż-żona ta’ qabel l-iskrining tas-sigurtà u titjib fil-faċilitajiet
iġjeniċi li jinsabu fil-pjan terran. Fl-aħħar kwart tas-sena, l-immodernizzar tas-sistema tal-ajruport li
tipproċessa l-bagalji ser iħejji t-triq għall-installazzjoni ta’ tmien check-in desks addizzjonali.
Dawn ic-check-in desks ġodda, li huwa mistenni li jibdew jintużaw fl-ewwel kwart tal-2018, ser jgħinu lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jtejjeb l-effiċjenza tiegħu fl-ipproċessar tal-passiġġieri. Min-naħa l-oħra,
investiment f’teknoloġija tal-x-ray moderna li ser tippermetti li jsir skrining aktar bir-reqqa tal-bagalji, ser jgħin sabiex dejjem jitħarsu l-ogħla standards tas-sigurtà.
Permezz ta’ dan l-investiment f’magni tal-x-ray ġodda, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ser ikun qed
jipprepara sabiex jilħaq konformità sħiħa mad-dispożizzjoni tal-European Civil Aviation Conference (ECAC) li tistipula li sal-2022 kull ajruport Ewropew għandu jkollu kapaċità tal-iskrining tal-bagalji li tkun ekwivalenti għall-Kategorija 3.
Il-proġett, li tnieda kważi bħal-lum sena, diġà kien strumentali fit-titjib ta’ diversi partijiet tal-bini tal-ajruport. Dan it-titjib jinkludi żona tal-iskrining tas-sigurtà temporanja akbar minn dik oriġinali, La Valette lounge ġdida, gallerija tal-osservazzjoni b’dehra ġdida u, aktar reċenti, l-installazzjoni ta’ magni li jaqraw il-biljetti tal-imbarkazzjoni bl-użu tal-aktar teknoloġija moderna