Rapport tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali dwar il-kura fil-komunità għall-anzjani sab li s-sodisfazzjon tal-anzjani għas-servizzi tal-infermiera u l-assistenza medika fid-dar kienet għolja ħafna.
L-istħarriġ tal-Uffiċċju tal-Awditur wettaq verifika fuq erba’ servizzi li jingħataw l-anzjani li jibqgħu jgħixu fil-komunità. Fl-2018, in-nefqa tal-Gvern fuq dawn is-servizzi kienet ta’ madwar seba’ miljun ewro.
Dwar il-prezz tas-servizz tal-Meals on Wheels ta’ ftit aktar minn erba’ ewro għal kull ikla, b’żewġ ewro minnhom issusidjati mill-Gvern, l-Awditur qal li l-prezz huwa raġonevoli.
B’reazzjoni għal din il-verifika, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Mark Musù qal li l-Ministeru jilqa’ b’sodisfazzjoni dan ir-rapport għax jirrikonoxxi l-enfasi kbira li qed issir fuq is-servizzi li jgħinu lil anzjani jibqgħu jgħixu f’darhom.
“Tajna enfasi kbira fuq is-servizzi fil-komunitá, u dan qed nagħmluh one: biex l-anzjani kemm jista’ jkun nagħtuhom iċ-ċans u l-opportunitá li jibqgħu jgħixu fil-komunita fi djarhom u mal-qraba tagħhom. Fl-istess waqt qed nagħmluh ukoll biex sabiex ir-riżorsi li għandna, illi qed jiżdiedu rrid ngħid. Jiġifieri kemm riżorsi finanzjarji u anke r-riżorsi umani, jekk mhux direttament anke permezz ta’ kuntratti li nidħlu fihom ma’ operaturi privati, dawn nikkonċentrawhom fuq dawk l-anzjani li assolutament ma jkunux jistgħu jgħixu fil-komunitá minħabba l-kundizzjoni tagħhom.” Stqarr Musù.
Fl-istess waqt sostna li l-Ministeru se jaħdem biex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur.
“L-awditur ġenerali irrikonoxxa li anke matul is-sena li għaddiet saru aktar tibdiliet illi wieħed mistenni illi jħallu riżultati pożittivi wkoll u allura kollox ma’ kollox aħna inħarsu l-quddiem biex anke bl-għajnuna ta’ dan ir-rapport inkunu nistgħu nagħmlu aktar titjib.” Temm jgħid is-Segretarju Permanenti.
Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamenatri għall-Anzjanità Attiva qal li hu kommess li jara li dan il-proċess jibqa’ għaddej biex jitwettqu aktar miżuri favur it-titjib tas-servizzi hekk kif rakkomandat.