Riforma sħiħa fis-servizz tal-meals on wheels fil-gżira tat-tlett għoljiet.
Dan bil-għan li dan is-servizz importanti jitjieb u jkun ta’ kwalità għolja.
Waqt żjara lill-anzjani fil-komunità, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, hi u tħabbar din ir-riforma soċjali sostniet li ġew introdotti prassi ġodda fil-proċessar, fl-ippakkjar u fit-tqassim tal-ikel biex jiġi żgurat li l-anzjani li jirrikorru għal dan is-servizz jingħataw l-aħjar prodott possibbli.
Dan billi jiġu assigurati titjib fil-kwalità tal-ikel u s-saħħa u s-sigurtà tal-klijenti.
Spjegat ukoll li tfassal menu mill-esperti biex inkopru kull esiġenza tal-klijenti kif ukoll kundizzjonijiet kroniċi li jiddeterminaw x’tip ta’ ikel jista’ u għandu jiġi pprovdut lil klijenti partikolari, u allura hemm menu b’kontenut lactose free, gluten free kif ukoll dak għad-diabetiċi.
Il-Ministru Caruana żiedet tgħid li permezz ta’ din ir-riforma se jintlaħqu l-istandards applikabbli għas-servizz u fakkret li waħda mill-miri tal-gvern hi li l-anzjani, sa fejn possibbli, jibqgħu attivi u jgħixu ħajja indipendenti fil-komunità.
“Persważa illi bil-mod ta’ kif qed jingħata s-servizz ħa jkun hawn iktar domanda u allura bħala Ministeru għal Għawdex ħa nkunu ppreparati biex nilqgħu għal din iż-żieda fit-talbiet.”
Il-Meals on Wheels hu servizz offrut mill-Uffiċċju għall-Anzjani u Bżonnijiet Speċjali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u min japplika jiġi offrut ikla li tikkonsisti f’żewġ platti u f’deżerta darba kuljum jew fil-ġranet li jkun jixtieq għall-prezz ta’ żewġ ewro u tlieta u tletin ċenteżmu għal kull ikla li jitħallsu lix-xufier darba fil-ġimgħa.
Huma intitolati għal dan is-servizz dawk li għalqu sittin sena jew persuni bi bżonnijiet speċjali.