Ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn l-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta u l-UĦM – Voice of the Workers. Dan il-ftehim kollettiv se jwassal biex il-ħaddiema tal-Arkivji Nazzjonali jibbenefikaw minn żidiet fil-pagi u benefiċċji oħra.
L-iffirmar tal-ftehim ġie ppresedut mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici.
Il-Ministru Bonnici spjega kif dan il-ftehim kollettiv hu pass importanti sabiex l-ispeċjalizzazzjoni tas-settur arkivistiku u ta’ amministrar ta’ rekords tkun imħarsa u promossa.
“Dan il-ftehim kollettiv mhuwiex biss għodda finanzjarja, għalkemm din hija importanti wkoll. Se naraw li dan il-ftehim kollettiv ikompli jiżviluppa il-qasam arkivistiku ta’ pajjiżna u l-kontribut kbir li dan qed jagħti biex tkun imħarsa il-memorja u l-identità ta’ Malta,” ikkonkluda l-Ministru Bonnici.
Għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv il-ġdid attendew ukoll is-Segretarji Permanenti Joyce Dimech u Joyce Cassar, kif ukoll Christopher Darmanin u Mario Grixti min-naħa tal-Industrial Relations Unit u l-ħaddiema tal-Arkivji Nazzjonali.