Fi Frar ta’ din is-sena minkejja l-pandemija, il-qagħda tal-kaxxa ta’ Malta tjiebet.
Dan ħareġ propju minn ċifri uffiċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li juru kif fi żmien fejn il-Gvern ma waqafx jgħin lin-negozji, lill-ħaddiema u lill-familji b’miżura wara l-oħra b’rabta mal-pandemija, il-kaxxa ta’ Malta rat tnaqqis ta’ aktar minn dsatax-il miljun ewro fid-defiċit.
Dan kollu jwaqqa’ l-argument tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li qalet kif bħalissa l-Gvern qed iberbaq il-flus. Dan hekk kif filwaqt li fi Frar tas-sena l-oħra, eżatt qabel faqqgħet il-pandemija, Malta kellha defiċit ta’ tnejn u għoxrin miljun u ħames mitt elf ewro, fi Frar ta’ din is-sena d-defiċit naqas għal tliet miljun u tlett mitt elf ewro.
Anke meta wieħed iħares lejn l-aħħar xahar ta’ Frar tal-elfejn u tlettax taħt amministrazzjoni preċedenti dakhinar kien hemm defiċit ta’ ħamsa u erbgħin miljun u tmien mitt elf ewro. Fi Frar 2009 meta Malta kienet affetwata mir-riċessjoni internazzjonali ferm iżgħar minn dik tal-lum, il-kaxxa ta’ Malta kellha defiċit ta’ tlieta u sittin miljun ewro. Dan jindika li minkejja l-pandemija u l-għajnuna bla preċedent li qatt jagħti l-Gvern preżenti din il-politika mhux qed tkisser l-istat tal-finanzi tal-Gvern daqs kemm kienet kisrithom il-politika ta’ awsterità tal-Gvern preċedenti.
Fi Frar li għadda d-dħul tal-Gvern kien nofs miljun ewro ogħla mil-livell tas-sena ta’ qabel. Fost l-oħrajn kien hemm żieda ta’ aktar minn sitt miljun ewro mit-taxxa tad-dħul, madwar disa’ miljun u sitt mitt elf ewro mill-VAT u tliet miljun u seba mitt elf ewro mill-bolla.
Dan jindika kemm id-dħul tal-ħaddiema qed jibqa’ jkun protett mill-effetti negattivi tal-pandemija, kif ukoll li diversi kumpaniji issa qed jibdew iħallsu taxxi diferiti mis-sena li għaddiet.
Fejn tidħol l-ispiża, l-Gvern fl-ewwel xahrejn tas-sena ġa nefaq €84 miljun, jew €18 miljun aktar milli fl-istess perjodu fl-2020, meta kienet għadha ma bdietx il-pandemija. Dan minbarra żieda fl-ispiża rikurrenti ta’ aktar minn €200 miljun, minħabba skemi bħal Covid Wage supplement u spiża ferm akbar ta’ €71 miljun fil-qasam tas-saħħa.