Tnediet is-Sena Internazzjonali għas-Saħħa tal-Pjanti bit-tema ‘Nipproteġu l-pjanti, nipproteġu l-ħajja’, li hija mmirata biex jitkompla jitqajjem għarfien dwar l-importanza tal-pjanti.
L-Aġent Direttur fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti Maureen Delia spjegat li madwar erbgħin fil-mija tal-produzzjoni tal-ikel fid-dinja tintilef minħabba diversi problemi kkawżati minn mard jew insetti li jagħmlu ħsara lill-prodotti agrikoli.
Delia qalet, “Id-direttorat għall-ħarsien tal-Pjanti se jkun qed jenfasizza aktar l-azzjonijiet tiegħu biex l-għarfien fil-poplu Malti jiżdied.”
L-Aġent Direttur fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti spjegat li t-tibdil fil-klima u moviment tal-pjanti minn pajjiż għall-ieħor u anke min-naħa għall-oħra tal-istess pajjiż qed iħallu konsegwenzi negattivi fuq dawn l-ispeċi.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo spjega li se ikompli jsir aktar xogħol f’dan is-settur biex il-pubbliku jingħata l-informazzjoni meħtieġa ħalli tkun assigurata l-provista ta’ ikel meħtieġ fil-pajjiż.
Il-Ministru Refalo stqarr, “Aħna nkunu nistgħu neżaminaw, nistudjaw u naraw kif aħna mhux biss nistgħu ngħatu l-edukazzjoni u ngħallmu l-pubbliku ingernerali imma anke f’dan is-settur ikollna l-viżjoni biex aħna nimxu l-quddiem.”