Is-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, jinsab fi stadju avvanzat biex isir it-tibdil meħtieġ fl-Att tal-Ħarsien tal-Annimali li jipprojbixxi li l-annimali jinżammu marbuta b’ċineg.
Din hi karba li ilhom jagħmlu dawk li jaħdmu fid-drittijiet tal-annimali, b’mod partikolari b’referenza lejn il-klieb hekk kif din hi meqjusa bħala moħqrija.
Ikkonfermat li dan ix-xogħol għaddej kelliema għas-Segretarjat Parlamentari li qalet li l-bidliet għandhom iwasslu wkoll biex il-Ministru responsabbli jingħata wkoll l-awtorità li jdaħħal liġijiet sussidjarji li jirregolaw iktar fid-dettall.
Dan sabiex il-proċess isir aktar effiċjenti. “Wieħed jirrimarka li f’dan il-kuntest ta’ moħqrija, il-liġi relatata mal-projbizzjoni tal-annimali marbuta b’ċinga ser tkun waħda mill-ewwel liġijiet li jkunu sottomessi,” qal is-Segretarjat Parlamentari. Fid-dawl tal-impenn li din il-liġi tkun fis-seħħ minn din is-sena staqsejna jekk fl-aħħar mill-aħħar din il-kelma hijiex se tinżamm. Il-kelliema fakkret kif din hi waħda mil-liġijiet li x-xogħol leġiżlattiv marbut magħhom kellu jerġa’ jibda mill-bidu minħabba l-elezzjoni ġenerali. Dan wassal għal proċess biex il-liġi terġa’ tingħata ħarsa mill-ġdid u tkun imtejba u msaħħa.
“Minħabba li bdiet leġiżlatura ġdida, il-liġi kif kienet preżentata fl-aħħar leġiżlatura waqgħet u għalhekk dan kien iż-żmien opportun sabiex f’dan l-istadju tiġi preżentata l-proposta għar-reviżjoni tal-Att tal-Ħarsien tal-Annimali,” qalet il-kelliema.
Ingħatat il-kelma li din il-liġi se tkun preżentata fil-Parlament mill-aktar fis possibbli, “b’hekk tkun qiegħda titwettaq wegħda elettorali oħra ta’ dan il-Gvern,” żiedet il-kelliema li fakkret kif għaddejja wkoll konsultazzjoni mal-Animal Welfare Council u għad ta’ Għaqdiet Mhux Governattivi, NGOs.