Il-Provinċja Agostinjana Maltija ħassret il-festi esterni ta’ Santu Wistin li kienu se jiġu ċċelebrati f’ġieħ il-qaddis fi tmiem il-ġimgħa li ġej. Id-deċiżjoni ttieħdet fl-isfond tal-allegazzjonijiet serji li saru kontra l-ex kapillan tal-parroċċa Dun Deo Debono. Fl-aħħar sigħat huwa ġie implikat f’każ serju ta’ serq ta’ oġġetti sagri mill-istess parroċċa b’valur ta’ mitt elf ewro.
L-aħbar ingħatat l-għada li l-Provinċija bi qbil mal-Kurja ħabbret li Debono ma jibqax kappillan tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin u ma jeżerċitax il-ministeru saċerdotali fil-pubbliku sakemm jibqgħu pendenti l-investigazzjonijiet tal-pulizija u ċivili.
Fuq il-midja soċjali l-aħbar inxterdet bħal leħħa ta’ berqa u kienet doċċa kiesħa fuq il-parruċċani Agostinjani.
Crew ta’ ONE News żar it-toroq li jagħmlu parti minn din il-parroċċa fejn kienet tinħass sew id-dieqa tal-Agostinjani. It-toroq dehru jitneżżgħu mil-libsa festiva bl-armar tal-festa reġa’ sab postu fil-maħżen tal-festa. Persuni qrib l-Agostinjani qalu ma’ one news li ngħataw ordni biex ħadd ma jitkellem fuq dak li ġara.
Madankollu s-sit soċjali Facebook kien miżgħud b’kummenti li fissru l-għadab tagħhom għad-deċiżjoni tal-Provinċja li tħassar il-festa esterna. Sostnew li dak allegat fil-konfront tas-saċerdot ma kellux iħassrilhom il-festa li tant ħadmu għaliha.
Parroċċani oħrajn qalu li ma jistgħux jemmnu li Fr Debono għandu dawn l-allegazzjonijiet fuq rasu wara li tul is-snin li ilu fit-tmexxija tal-parroċċa, għamel ġid kbir u ressaq lejha bosta żgħażagħ Beltin li forsi kienu ntilfu mal-kurrent.
Reazzjoni oħra kienet ta’ oħt Debono, li esprimiet id-dieqa tagħha għall-mod kif hi u qrabatha saru jafu bl-aħbar mill-midja. Qalet li tinsab fiduċjuża li se toħroġ l-verità.
Rapporti fil-midja qalu li Debono mistenni jitressaq il-qorti t-Tnejn li ġej u jiġi mixli b’għadd ta’ akkużi fosthom dik ta’ serq ta’ oġġetti sagri ta’ valur kbir.
Ara wkoll:
http://www.one.com.mt/2019/09/18/jitnehha-minn-kappillan-ta-santu-wistin-wara-allegazzjonijiet-li-seraq-oggetti-sagri/