Tnediet l-inizzjattiva Adopt a Granny fil-Jasmin Nursing Home, l-Imsida, bil-għan li tonqos is-solitudni fost l-anzjani u jkun hemm aktar djalogu interġenerazzjonali bejn l-anzjani u t-tfal. Għaldaqstant, permezz ta’ din l-inizjattiva, il-pubbliku, b’mod partikolari t-tfal, qegħdin jiġu mħeġġa biex iżuru u jagħmlu kumpanija lill-anzjani residenti f’din id-dar li m’għandhomx familjari li jżuruhom. Dan kien inawgurat mis-Segretarji Parlamentari Anthony Agius Decelis u Julia Farrugia Portelli.
Anthony Agius Decelis stqarr illi għalkemm anzjani jkunu residenti f’dar residenzjali, huma xorta waħda jkollhom ix-xewqat tagħhom, u hija sfortuna li hemm persuni li jabbandunaw lill-ġenituri tagħhom meta jikbru. Bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-anzjanità attiva, Agius Decelis sostna li aktar kollaborazzjoni bejn il-gvern u minn jipprovdi s-servizzi twassal sabiex il-ħajja tal-anzjani residenti tibqa’ titjieb u tibqa’ tkun ta’ kwalità għolja.
Farrugia Portelli qalet li bħala soċjetà huwa importanti li r-riformi li nagħmlu ma jkunux biss legali iżda anke fil-mod ta’ kif nirrispettaw lill-anzjani tagħna, għaliex fl-aħħar mill-aħħar dawn huma n-nies li sawru lil Malta tal-lum. Hija sostniet li din l-inizjattiva tagħti wens lil dawn l-anzjani u tinżel tajjeb ukoll fost bosta għaqdiet volontarji u studenti.
Is-Segretarju Parlamentari spjegat kif bħala Gvern tul l-aħħar xhur saret ħidma fuq numru ta’ miżuri ta’ simplifikazzjoni fosthom it-titjib ta’ proċessi b’rabta ma’ permessi ta’ xogħol. Hija fakkret kif fix-xhur li għaddew sar proġett pilota fir-Residenza San Vinċenż de Paul u l-isptar Mater Dei, fejn beda jaħdem mekkaniżmu biex notifiki ta’ twelid u mwiet jibdew isiru hemmhekk stess minflok li l-pubbliku jkollu joqgħod imur fl-uffiċini ta’ Identity Malta fil-Belt Valletta.
Julia Farrugia Portelli saħqet li dan il-proġett kien wieħed ta’ suċċess, b’hekk il-Gvern għandu x-xewqa li dan l-istess servizz ikun estiż għad-djar tal-anzjani kollha, inkluż dawk privati.
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni Julia Farrugia Portelli faħħru l-inizjattiva ‘Adopt a Granny’ u ħeġġu lill-pubbliku jipparteċipa billi jaddotta anzjan jew anzjana.