Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, ħabbar miżura ġdida mill-Baġit għal din is-sena, li se tara l-ammont massimu tad-dħul annwali fil-kategoriji kollha tal-applikanti jogħla b’elf ewro oħra.
Għaldaqstant, s’issa, madwar 3,100 individwu u familja se jkunu qed igawdu minn din l-iskema, li tkopri fiha ħolqa ta’ skemi mill-Awtorità tad-Djar sa mill-2019, biex jitnaqqas il-piż kemm minn fuq dawk li jeħtieġu l-appoġġ tal-Istat.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Galdes fisser kif dan l-investiment ta’ madwar €10.7 miljun fis-sena hu intiż biex jgħin lil min jeħtieġ il-benefiċċji tal-kera u, għalhekk, dan l-investiment qed iħalli madwar €11-il miljun oħra fil-bwiet ta’ dawn il-familji u individwi.
Persuna, li tgħix waħedha bi dħul finanzjarju sa massimu ta’ €21,635, se tkun intitolata għall-benefiċċju li jlaħħaq sa €4,200 fis-sena.
Fil-każ ta’ ġenitur waħdu b’żewġt itfal jew aktar, bi dħul finanzjarju sa massimu ta’ €26,216, il-benefiċċju massimu jlaħħaq sa €6,000 fis-sena.
Koppja b’żewġt itfal jew aktar, bi dħul finanzjarju sa massimu ta’ €34,635, il-benefiċċju massimu hu wkoll ta’ €6,000.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, elenka kif il-missjoni tagħhom hi li jwettqu l-assigurazzjoni li jkun hemm stabbiltà fl-akkomodazzjoni u li jitwessa’ s-sapport tagħhom.
F’kumment ma’ ONE News, Zerafa saħaq li l-iskema mħabbra llum se tkun qed tissaħħaħ biex aktar benefiċċjarji jkunu jistgħu japplikaw għal din il-miżura.
“L-iskema mħabbra llum hi skema li ilha titħaddem numru ta’ snin però se nkunu qegħdin insaħħuha biex aktar klijenti ikunu benefiċċjarji ta’ din l-għajnuna. Qegħdin nissimplifikaw u neliminaw burokrazija bla bżonn biex il-klijenti tagħna jirċevuh kull xahar u b’mod awtomatiku sakemm il-kuntratt tal-kera jkun irreġistrat. Dawn huma parti mill-isforzi tagħna li ħa nkunu qegħdin niffokaw fuqhom anke matul din is-sena b’customer centric approach model.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa
F’kumment, il-Ministru Galdes sostna kif, għal darb’oħra, l-interess ta’ dawk fil-bżonn ta’ dawn is-sussidji se jiġi mħares biex jibbenefikaw aktar familji u individwi fil-bżonn.
“Din is-sena qed nerġgħu nwessgħu l-bands tal-means test marbut mal-benefiċċju tal-kera, fejn, fost oħrajn, mhux biss qed nassiguraw li anke s-sussidju u l-benefiċċju tal-kera jista’ jlaħħaq sa €500 fix-xahar bħala għajnuna min-naħa tal-Istat, imma wkoll dejjem jiġi kkalkulat id-dħul tal-applikanti.”
Il-Ministru Roderick Galdes