Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti nediet il-viżjoni ġdida tagħha għall-futur.
Dan fl-istess waqt li din l-ikbar għaqda mhuxgovernattiva fil-gżejjer Maltin nediet ukoll emblema ġdida.
F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġiet imħabbra l-viżjoni tal-għaqda għaż-żmien li ġej, il-President tal-FKNK Lucas Micallef spjega kif l-għaqda għandha 10,000 membru adult li jħaddnu l-istess namra filwaqt li hemm ukoll bosta għaqdiet differenti affiljati mal-Federazzjoni.
Huwa spjega kif il-viżjoni għal futur ser tkun imsejsa fuq tliet prinċipji fundamentali, is-sostenibbilità, il-konservazzjoni u l-komunikazzjoni.
Micallef spjega kif it-tliet pilastri ser jaraw il-protezzjoni mhux biss tal-prattika tradizzjonali tal-kaċċa u l-insib iżda wkoll il-konservazzjoni naturali tal-ispeċi li jżuru lil pajjiżna: “Aħna nibqgħu naħdmu, prijorità biex nissalvagwardjaw u nippromovu l-prattiċi soċjo-kulturali tal-kaċċa u l-insib fil-gżejjer tagħna, mhux biss imma wkoll inkunu is-salvagwardja tal-ambjent naturali ta’ madwarna. Irridu nħadnu bij-diversità għaliex nemmnu li b’hekk biss nistgħu inħallu futur xieraq għall-ġenerazzjoni ġejjiena.”
Il-President tal-FKNK spjega kif filwaqt li b’komunikazzjoni iżjed effettiva, il-Federazzjoni mhux biss tersaq iżjed qrib tal-membri tagħha iżda wkoll twassal ix-xogħol li tkun qed tagħmel lis-soċjetà.
Dan fost l-oħrajn permezz tal-publikazzjoni ta’ iżjed materjal edukattiv u iżjed żjarat fl-iskejjel sabiex il-verità dwar il-prattiċi tal-kaċċatur u n-nassab Malti jitwasslu lil ġenerazzjonijiet futuri.
Ritratti ta’ ġewwa: FKNK/Facebook