L-istrateġija dwar il-politika nazzjonali għall-Anzjanità Attiva tinsab miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika sal-ewwel ta’ Novembru u mistennija tkopri s-seba’ snin li ġejjin.
Mibnija fuq tmienja u għoxrin tema, din l-istrateġija ser tħaddan magħha l-aspett ta’ inklużjoni, ugwaljanza u anzjanità b’saħħitha.
Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-anzjani ġie diskuss ukoll l-għarfien diġitali fost l-anzjani.
Għaldaqstant, il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità Renzo Degabriele spjega li permezz ta sinerġija bejn diversi entitajiet ser jiġu offruti sensiela ta’ korsijiet f’San Pawl il-Baħar, Ħal Qormi, Birkirkara Ħaż-Żabbar u r-Rabat Għawdex.
Intant, waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, infetħu n-nominazzjonijiet għall-premju Anzjanità Attiva.
Ser jintlaqgħu nominazzjonijiet għall-premju Anzjanità Attiva, Premju Kulturali tas-sena, Premju Akkademiku tas-sena, Premju Sportiv tas-sena, Premju Solidarjetà Interġenerazzjonali.
Il-Ministru Michael Farrugia stqarr li dawn il-premji jirrikonoxxu l-ħidma sfieqa tal-anzjani fis-soċjetà tagħna.
Il-Ministru Farrugia stqarr, “Il-Gvern irid li l-anzjani tagħna jkomplu jkunu attivi fi ħdan is-soċjetà imma ta’ dan irridu nirrikonoxxu wkoll. Nirrikonoxxu lil dawk il-persuni li b’xi mod jew ieħor kemm anzjani jew persuni li jaħdmu mal-anzjani tal-inizzjattivi li jagħtu allura għandna nuruhom ukoll rikonoxximent.”
In-nominazzjonijiet jagħlqu fit-tnejn u għoxrin ta’ Ottubru u r-rebbieħa ser jitħabbru f’serata li ser tittella’ f’Novembru li ġej.