Il-Ministeru għall-Artijiet, flimkien mal-Awtorità tal-Artijiet, ħabbar skema ġdida dwar għoti ta’ konċessjoni emfitewtika temporanja liċ-ċenswalist, inkwilin jew operatur ta’ proprjetà kummerċjali tal-Gvern.
Din l-iskema, li hi estenzjoni tal-Valletta Shop Scheme mħabbra fl-2015, issa se tkun applikabbli għall-proprjetajiet kummerċjali kollha li huma mikrijin jew hemm xi titolu fuqhom mingħand il-Gvern.
Għaldaqstant, proprjetà kummerċjali tal-Gvern, li għandha konċessjoni emfitewtika valida jew ftehim ta’ kirja valida, tista’ tinbidel f’konċessjoni emfitewtika għal perjodu itwal fuq 50 sena, wara li ssir applikazzjoni għal dan il-għan mal-Awtorità tal-Artijiet.
Il-proprjetajiet aċċettabbli taħt l-iskema huma istituzzjonijiet mhux residenzjali u edukattivi, akkomodazzjoni turistika u lukandi, uffiċini, ħwienet li jbiegħu bl-imnut, ikel u xorb, industrija ħafifa u industrija tal-ħażna u d-distribuzzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, spjega aktar fil-fond dwar kif se tkun qed taħdem din l-iskema.
“L-iskema maħsuba biex tagħti titlu b’saħħtu ta’ ċens ta’ 50 sena lil dawk kollha li għandhom kirja kummerċjali fil-proprjetà kummerċjali tal-Gvern kif ukoll min għandu ċens kummerċjali, imma se jiskadi fil-viċin. Allura jkun irid iġeddu biex ikollu titlu aktar b’saħħtu. Dak li jkun issa ħa jkun jista’ jserraħ rasu li għandu titlu fit-tul kif ukoll jekk imur il-bank, pereżempju biex jissellef għal xi investiment fl-istess proprjetà, il-bank fuq 50 sena iqisu bħala titlu tajjeb biex ikun jista’ jissellef.”
Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, saħaq kif il-ħidma tal-Gvern qed twassal biex ikun possibbli li jiġu implimentati skemi bħal dawn.
“Din hi wegħda elettorali li qegħdin mill-manifest nagħmluha realtà. Hi xi ħaġa li, flimkien mas-soċjetà kummerċjali, rajna u analizzajna x’inhuma l-ħtiġijiet u b’hekk qegħdin noffru din l-iskema li se tagħti titolu ta’ ċens għal 50 sena, b’regoli li huma ċari ferm u li se jagħtu l-opportunità biex is-settur tal-kummerċ ikompli jimxi ’l quddiem u jsaħħaħ l-investiment u jkattar ix-xogħol.”