Is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, Glenn Bedingfield, flimkien mad-Direttur Ġenerali fid-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, Ramon Deguara, ħabbar skema ta’ ndafa matul il-festi tradizzjonali, b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali u l-għaqdiet tal-baned.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarjiet li għaliha kien preżenti wkoll is-Sindku ta’ Ħal Tarxien Joseph Abela Galea.
Fil-fatt Ħal Tarxien se jkun l-ewwel lokalità li se tgawdi minn din il-kollaborazzjoni fejn id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni se tkun qed tipprovdi ħaddiema, makkinarju u dak kollu li hemm bżonn biex il-postijiet ikunu mnaddfin kemm qabel kif ukoll wara l-festi li jiġu ċċelebrati f’pajjiżna.
Ramon Deguara tenna li dan is-servizz hu wieħed bla ħlas u kemm jista’ għandu jinfirex madwar il-pajjiż. B’kemm il-komunitajiet, każini tal-baned u organizzazzjonijiet oħrajn li jixtiequ jagħmlu użu minn dan is-servizz għandhom jagħmlu talba uffiċjali u d-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni tkun hemm biex tappoġġja lil-lokalitajiet fil-festi.
Sadanittant, is-Segretarju Parlamentari Bedingfield sostna li, permezz ta’ dan l-impenn, se jkunu qed iwessgħu is-servizz minħabba l-importanza li jaħdmu id f’id mal-komunitajiet.
“Se jkun qed iservi ta’ sostenn kbir għal dawk id-dilettanti tal-festa għal-lokalitajiet, għax huma jafu aħjar ir-realtajiet tal-lokalitajiet, għax se nkunu aħna qegħdin nerfgħu l-piż tat-tindif f’dawn il-lokalitajiet wara l-festi.”
Hu kompla li l-għajnuna lil-lokalitajiet hi waħda mit-toroq ewlenin biex jingħata servizz lin-nies, filwaqt li sostna kif dan il-ftehim se jservi bħala sostenn fl-indafa nazzjonali.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, is-Sindku ta’ Ħal Tarxien, sostna kif dan il-ftehim se jwassal biex pajjiżna jibqa’ wieħed nadif kemm għall-Maltin kif ukoll għal dawk kollha li jżuruh u jinzertaw dawn il-festi tradizzjonali mnisslin fl-istorja rikka ta’ pajjiżna.
“Il-Kunsill Lokali tagħna ta’ Ħal Tarxien qed jibbenefika minn ammont sostanzjali ta’ flus fuq l-indafa. Din qabel il-Kunsill lokali tagħna kien jinvesti biex isir il-knis minn kull fejn jgħaddu l-marċi kif ukoll fejn jinħaraq in-nar tal-art tal-festa s-Sibt, isir il-ħasil ukoll. Però grazzi għal din l-iskema, il-Kunsill beda jibbenefika minn din biex jibqgħu aktar flus fil-Kunsill Lokali u nistgħu nagħmlu proġetti oħrajn.”