Tnediet skema ta’ €15-il miljun għax-xiri ta’ vetturi elettriċi ġodda; skema li hija ffinanzjata mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza minn fondi Ewropej.
Din l-iskema tħabbret waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’, mill-Ministru responsabbli mit-Trasport Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett.
Din l-iskema għax-xiri ta’ vetturi elettriċi ġodda tinkludi fiha muturi ġodda għal individwi privati, organizzazzjonijiet mhux governattivi, negozji, u kumpaniji privati.
Din l-iskema ta’ għotja għandha tgħin fix-xiri ta’ vetturi elettriċi ġodda, bil-għan li jitnaqqas in-numru ta’ vetturi antiki mit-toroq.
L-għan ta’ din l-iskema huwa li jintużaw aktar vetturi favur l-ambjent u sostenibbli.
Il-Ministru Aaron Farrugia spjega li din l-iskema hija waħda minn kullana ta’ skemi li Transport Malta se tkun qed tniedi sabiex tippromwovi l-użu ta’ vetturi aktar nodfa.
Il-Ministru Farrugia qal li, fi tliet snin, bejn is-sena l-oħra u s-sena d-dieħla ,se jkunu ngħataw €50 miljun li ġejjin minn fondi Ewropej.
“Qed noffru ċertezza u stabbiltà lill-familji Maltin u Għawdxin li għandhom ħsieb illi jibdlu l-karozza tagħhom u jixtru waħda elettrika. Tajna €15-il miljun ta’ grants is-sena l-oħra, qed nagħtu €15-il miljun din is-sena u qed ngħidulhom minn issa li qed nagħtu €20 miljun is-sena d-dieħla – u allura ċ-ċertezza għall-familji li jixtiequ jbiddlu l-karozza. Imma qed nagħtu wkoll ċertezza u stabbiltà anki lin-negozji, l-importaturi tal-karozzi, illi jistaqsuk meta se jkun hemm il-grants, anki minħabba li jkunu jridu jistokkjaw.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, qal li din l-iskema, li ġejja minn fondi Ewropej u permezz tagħha jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-vetturi.
Huwa semma li s-sena l-oħra, permezz ta’ din l-iskema, kien hemm aktar minn 1,200 applikazzjoni.
“Dik it-triq ’il quddiem, għandna targets x’nilħqu bħala pajjiż, imma mhux għat-targets biss – għax nemmnu fiha. Il-fondi Ewropej se jkunu importanti biex inti li qiegħed id-dar, inti li trid tixtri karozza ġdida, se jkollok dik il-possibilità li l-Gvern jgħinek biex int tista’ tagħmel dik il-qalba u tixtri wkoll vettura illi ma tħammiġx.”
Din l-iskema hija miftuħa għal dawk il-karozzi li nxtraw mill-bidu ta’ din is-sena. aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fuq www.transport.gov.mt.