Tħabbret skema oħra li se tinċentiva lin-negozji u lill-intrapriżi jkomplu jinvestu u jkabbru l-operat tagħhom.
Dan permezz ta’ self, imsejjaħ soft loan, li se jassisti lill-intrapriżi biex jinvestu f’inċentivi aktar sostenibbli.
Id-dettalji dwar din l-iskema tħabbru mill-Ministru għall-Intrapriżi Miriam Dalli, il-Ħamis filgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-Malta Enterprise.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega li l-massimu tas-self huwa ta’ miljun ewro, u l-ammont dovut irid jingħata sa ħames snin wara.
Din l-iskema se tibqa’ miftuħa sa Ottubru ta’ sentejn oħra u l-proġett irid idum għaddej tmintax-il xahar.
Il-Malta Enterprise se tiffinanzja sa ħamsa u sebgħin fil-mija tal-proġett.
Is-Sur Farrugia stqarr, “Il-ħsieb wara dan l-inċentiv huwa li kemm bis-self tal-Malta Enterprise u b’self ieħor illi jkunu qed jagħmlu minn banek jew inkella mir-riservi tal-kumpanija, ikunu jistgħu jagħmlu dak l-investiment li ħa joħloq iżjed xogħol u anke se jmexxihom lejn tranżizzjoni iktar sostenibbli fin-negozju tagħhom.”
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li permezz ta’ dan is-self, l-intrapriżi jistgħu jkabbru l-operat tagħhom jew jinvestu f’sistemi favur l-ambjent, li jaħlu inqas waqt li jħallsu inqas.
Il-Ministru Dalli qalet li l-Gvern kompla b’diskussjonijiet biex jitħabbru inizzjativi li jkomplu jkabbru l-kumpaniji f’pajjiżna.
Hi saħqet, “Din is-soft loan hija self għall-kumpaniji b’rati favorevoli, fejn irridu niffaċilitaw il-ħajja għall-kumpaniji. Dawk il-kumpaniji li għandhom ideat ta’ negozju, li għandhom proposti li permezz tagħhom jistgħu jgħinu u jkomplu jikbru u anke jkunu qed jinvestu fis-sostenibbiltà ambjentali, qegħdin naraw li nkunu qed niffaċilitawlhom il-ħajja billi ngħinuhom ikomplu jikbru f’pajjiżna.”