Negozji li s-sena li għaddiet tilfu l-Covid Wage Supplement wara li rriżenjawlhom xi impjegati b’mod volontarju se jkunu qed jirċivuh b’mod retroattiv minn Ottubru li għadda.
Dan tħabbar f’konferenza tal-Gvern indirizzata mill-Ministru Miriam Dalli fejn fiha tħabbret skema ġdida tal-Covid Wage Supplement għas-sena 2021.
Skema li ssawret ukoll wara konsultazzjoni wiesgħa mal-imsieħba soċjali f’pajjiżna.
Il-Ministru Dalli spjegat li fost bidliet oħra, din l-iskema l-ġdida ser tkun waħda li tipprovdi l-Wage Supplements għal ħaddiema ġodda li jkunu ġew impjegati wara li rriżenjawlhom ħaddiema b’mod volontarju minn wara Mejju 2020.
Hija spjegat: “Se nkunu qed noffru l-Wage Supplement lin-negozji skont l-ammont ta’ ħaddiema li kellhom fuq il-Wage Supplement f’Mejju tas-sena li għaddiet biex naraw verament li nkunu qed ninċentivawhom.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega li taħt l-iskema l-ġdida, dawk li meta kkumparat ma’ bejn Marzu u Ottubru tal-2019 kellhom nuqqas fil-bejgħ ta’ 55% jew aktar se jibqgħu jieħdu l-Wage Supplement kollu.
Madankollu dawk li raw persentaġġ inqas ta’ bejgħ se jkunu suġġetti għal tnaqqis fil-Covid Wage Supplement kemm għall-ħaddiema full-time u anke dawk part-time.
Dawk li sofrew tnaqqis ta’ bejn 45% u 55%, il-Wage Supplement se jonqsilhom għal €640 għall-ħaddiema full-time u €400 għall-ħaddiema part-time.
Dawk li sofrew tnaqqis ta’ bejn 35% u 44%, il-Wage Supplement se jonqsilhom għal €480 għall-ħaddiema full-time u €300 għall-ħaddiema part-time.
Negozji li raw tnaqqis ta’ bejgħ bejn 25% u 34%, il-Wage Supplement se jonqsilhom għal €320 għall-ħaddiema full-time u €200 għall-ħaddiema part-time.
Dan filwaqt li dawk li naqsilhom il-bejgħ bejn 10% u 24% se jaraw tnaqqis fil-Covid Wage Supplement għal €160 għall-ħaddiema full-time u €100 għall-ħaddiema part-time.
Dawk li matul din is-sena rreġistraw telf ta’ 9% jew inqas mhux ser jibqgħu eliġibbli għall-Covid Wage Supplement.
Madankollu l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise sostna li indikazzjonijiet juru li madwar 60% tal-kumpaniji u n-negozji se jaraw titjib jew jibqgħu jirċievu l-istess għajnuna.
Huwa sostna: “Se naraw li 40% ta’ dawk li huma diġà eliġibbli li jkunu fuq Wage Supplement ħa jaraw żieda fil-Wage Supplement u allura kienu qed jieħdu inqas jew ftit inqas minn dawk li ħaqqhom. Se jkun hemm 20% oħra minn dawk li se jibqgħu fl-istess kategorija.”
Għal dawk in-negozji li huma eżenti mill-ħlas tal-VAT jew kellhom numru tal-VAT ġdid mhux se jkunu qed jaraw bidla għal mod ta’ kif jieħdu l-Wage Supplement.
Din l-iskema tkopri t-tliet xhur li ġejjin jiġifieri sa tmiem Marzu li ġej.
Intant il-Ministru Dalli spjegat li issa hekk kif wasal u beda jingħata l-vaċċin għandhom jiġu esplorati strateġiji ġodda sabiex jiġu mgħejjuna aħjar in-negozji f’pajjiżna fiż-żmien li ġej.
Hija tenniet: “Mal-istakeholders qbilna wkoll li rridu naħdmu flimkien biex ikollna strateġija wara Marzu meta dan il-Wage Supplement ikun għamel it-terminu tiegħu fejn inkomplu ngħinu lil dawk il-kumpaniji li verament għandhom bżonn imma fl-istess ħin ninċentivaw lil dawk il-kumpaniji li mexjin ‘il quddiem u li jistgħu jkomplu jikbru u joħolqu aktar impjiegi f’pajjiżna.”
Il-Wage Supplement emendat se jfisser investiment ta’ madwar €40 miljun fix-xahar.
Kumpaniji u negozji mhumiex mitluba jirreġistraw taħt din l-iskema l-ġdida hekk kif il-Malta Enterprise se tintuża l-applikazzjoni oriġinali li ġiet sottomessa.