Il-Gvern nieda skema ġdida tal-Kartanzjan li permezz tagħha ċittadini anzjani ta’ ‘l fuq minn sittin sena u li għandhom karta tal-identità Maltija valida, se jgawdu minn numru ta’ skontijiet minn ħwienet tax-xiri differenti madwar Malta u Għawdex.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva, Michael Farrugia f’konferenza tal-Gvern bit-tema ta’ “Gvern għan-Nies.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva Dr Renzo Degabriele spjega li l-iskontijiet ivarjaw minn 5% sa 30% u jinvolvu ristoranti, lukandi, supermarkets u ħwienet differenti fost oħrajn.
Qal li wara espressjoni ta’ interess li ħarġet ressqu ’l quddiem disgħa u erbgħin kumpanija u madwar 102 iħwienet mifruxa fi 28 lokalità.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Michael Farrugia spjega wkoll li fid-djar se jitqassam ktejjeb stampat li juri l-offerti kollha disponibbli f’Malta u Għawdex, fid-djar.
Qal li f’dan il-ktejjeb se jkun hemm ukoll informazzjoni dwar servizzi offruti ta’ kura fil-komunità.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Matthew Vella spjega li dan kollu huwa parti minn kullana ta’ inċentivi għall-anzjani u spjega kif il-lista ta’ skontijiet se tibqa’ tiġi kontinwament aġġornata fuq www.activeageing.gov.mt.