Tnediet skema ġdida ta’ restawr ta’ bini antik fir-Rabat, Għawdex, b’investiment ta’ ħames miljun ewro minn fondi Ewropej.
Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, li stqarr li l-Gvern irnexxielu jittrasforma l-Belt Valletta u issa jmiss lill-Belt Kapitali Għawdxija.
Il-proprjetajiet residenzjali li jinsabu fiż-Żona ta’ Konservazzjoni Urbana tar-Rabat u li qatt ma bbenefikaw minn skemi simili tal-Awtorità tal-Ippjanar huma eliġibbli.
Iż-żewġ skemi huma: proprjetajiet fi ħdan il-UCA jistgħu jikkwalifikaw għal massimu ta’ €15,000 u proprjetajiet skedati grad 1 jew 2 jistgħu jikkwalifikaw għal massimu ta’ €25,000.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg qal kif l-awtorità, fil-futur qrib, se jkollha numru ta’ skemi oħrajn għal kull reġjun.
“Se tkun qegħda tagħmel skemi oħrajn fuq bażi nazzjonali, fejn għal kull reġjun se nkunu qed inħabbru skemi u inizjattivi simili għal dawn, imma b’aktar mod wiesgħa, fejn se nkunu qed nagħtu fondi għal proprjetajiet kollha, kummerċjali u dawk residenzjali, li jaqgħu taħt UCAs.”
Johann Buttigieg, Awtorita tal-Ippjanar
Il-Ministru Camilleri qal li dan huwa investiment kruċjali li jkompli juri l-impenn tal-Gvern lejn il-preservazzjoni tal-wirt storiku tal-gżira.
“Skema propju intiza sabiex insebħu ċ-ċentru tal-irħula u l-ibliet tagħna, ċentri arkitettoniċi, li mhux biss minn tali restawr se jgawdi l-propjetarju, imma jkun qed igawdu wkoll il-pubbliku inġenerali b’viżwal mill-isbaħ propju tat-toroq tagħna.”
Il-MNinistru Clint Camilleri
L-iskema tinsab miftuħa u wieħed jista’ jsib aktar informazzjoni fuq is-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar.