L-Aġenzija Żgħażagħ ħabbret skema ġdida bl-isem ta’ ‘Youth Led Innovation’, li se tibda minn Ottubru li ġej u li hija miftuħa għaż-żgħażagħ ta’ bejn it-tmintax (18) u l-ħamsa u għoxrin (25) sena.
Din l-iskema se tippermetti liż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom fil-qasam tar-riċerka billi jiżviluppaw l-innovazzjoni tagħhom f’ideat inizjali jew għal kwalunkwe parti mill-proċess tal-proġetti tagħhom. Dan se jsir fuq proġetti li jwasslu għal żvilupp sostenibbli, fosthom is-saħħa, it-tibdil fil-klima, u s-settur tal-avjazzjoni.
Id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ, Keith Azzopardi Tanti, li saħaq dwar l-importanza li skemi bħal dawn iservu rwol fundamentali fl-iżvilupp taż-żgħażagħ billi jgħinuhom jiksbu l-esperjenza fil-qasam tar-riċerka, kif ukoll fl-iżvilupp tagħhom.
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Theuma, qalet li din l-iskema qed toffri spazju ieħor għaż-żgħażagħ biex joħorġu b’ideat u jsiru l-innovaturi tal-lum u għada.