Is-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej u Djalogu Soċjali, l-Onor. Aaron Farrugia, fetaħ il-laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) li saret ilbieraħ it-Tnejn 9 t’April 2018 billi ħabbar u ppreżenta lill-Imsieħba Soċjali b’sejħa għall-proposti maħruġa mill-Kummisjoni Ewropea.
L-Onor Farruġia tenna li jifhem li l-għajnuna tal-esperti u konsulenti tinvolvi spiża u piż finanzjarju u b’hekk ħabbar li għadha kif ħarġet sejħa għall-proposti u li minnha jistgħu jibbenefikaw dawk l-imsieħba soċjali li huma nteressati. Kompla sabiex jgħid li disgħin fil-mija tal-infieq se jkunu koperti mill-fondi Ewropej filwaqt li l-għaxra fil-mija l-oħra jkunu koperti mill-MCESD li bħalissa qiegħda taħdem bla qatih biex tkompli tħeġġeġ u tinċentiva aktar imsieħba soċjali sabiex jiddiskutu problemi li jkunu qegħdin jaffaċjaw biex b’hekk iħejju aktar miżuri sabiex jikkombattu dawn il-problemi.
Id-Direttur għall-fondi Ewropej fil-MEUSAC, is-Sinjura Mandy Falzon tat spjegazzjoni aktar ċara tar-rekwiżiti stipulati f’din is-sejħa għall-proposti.
Il-laqgħa kompliet bi preżentazzjoni mis-Sinjura Felicity Hoskings, Head of programmes fil-Prince’s Trust International, iddiskutiet l-irwol ta’din it-Trust f’pajjiżna għal dawn l-aħħar snin. Saħqet li l-għan aħħari ta’ din l-inizjattiva huwa li jippromwovi ħiliet li huma kkunsidrata bħala neċessarji u bżonnjużi għal min iħaddem. Skond rapport maħruġ is-sena l-oħra, huwa evidenti li ħaddiema Maltin ibatu min-nuqqas ta’ ħiliet fejn jidħlu: komunikazzjoni, team work, jsibu soluzzjonijiet għall-problemi, pjanar, organizazzjoni u IT. Dan il-programm jara li żgħażagħ jkunu mogħtija l-għodda u t-taħriġ neċessarju li forsi ma jkunux ħadu mill-iskola biex b’hekk ikomplu jtejbu u jinvestu fl-abbiltajiet tagħħhom.
Il-laqgħa kompliet billi s-Sinjuri Stefano Mallia u Charles Vella, tnejn mill-ħames rappreżentanti Maltin fl-EESC taw spjegazzjoni ta’ħidmiethom fi ħdan il-kumitat ekonomiku u soċjali ewropew (EESC).