B’investiment ta’ madwar miljun ewro se jiġi riġenerat iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Nikola fis-Siġġiewi.
Dan tħabbar waqt żjara tal-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg hekk kif spjega li se jkun id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li se jwettaq din ir-riġenerazzjoni.
Fil-fatt tul konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Gvern għan-Nies, ġie spjegat kif ix-xogħlijiet għar-riġenerazzjoni taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Nikola fis-Siġġiewi mistenni jinkludi l-qlugħ tal-madum tas-siment eżistenti, it-tneħħija tal-materjal ta’ taħt il-madum, it-tqegħid ta’ sodda tal-konkos, il-bini ta’ pedamenti tal-konkos u tal-ġebel tal-franka taħt it-turġien, it-tqegħid ta’ pavimentar ġdid tal-qawwi u t-tqegħid ta’ turġien ġodda tal-qawwi.
L-Arċipriet tal-parroċċa tas-Siggiewi Fr Josef Mifsud qal li l-komunità tapprezza dan l-investiment.
“Bħala parroċċa qatt ma stajna nidħlu finanzjarjament għal dan il-proġett ta’ tliet kwarti ta’ miljun allura bħala l-komunità parrokkjali tas-Siġġiewi naprezzaw ħafna din l-inizjattiva.”
Minn naħa tiegħu l-Ministru Ian Borg sostna li l-infrastruttura mhiex biss it-toroq iżda anka spazji bħalma huma z-zuntieri u l-pjazez li huma postijiet fejn il-komunitajiet jinġabru ta’ kuljum u allura huma r-ruħ ta’ kull belt jew raħal.
“Hawnhekk fis-Siġġiewi għandek zuntier li huwa mill-aktar antiki u li għandu prestiġju wkoll u ħa nkunu qegħdin naħdmu mal-parroċċa ħalli l-komunità tkun tista’ tgawdi minn Infrastruttura aħjar.”
Ix-xogħol mistenni jibda lejn l-aħħar ta’ din is-sena u jintemm fl-ewwel parti tal-2023.