Grazzi għall-iskema ġdida tal-Business Start, bl-isem BStart 2021, negozji start-ups jistgħu jgawdu minn għajnuna finanzjarja sa massimu ta’ €200,000.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Intrapriżi Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia.
Fil-fatt il-Ministru Dalli sostniet li din l-iskema tkompli toffri l-appoġġ meħtieġ biex in-negozji ġodda jsibu l-għajnuna li hemm bżonn.
Hija qalet, “Il-Malta Enterprise bħala l-korporazzjoni responsabbli mill-istart-ups qed tniedi dan l-ikbar investiment li fit-totalità tiegħu jista’ jilħaq €1.2 miljun. Irridu start-ups b’saħħithom, start-ups li joħolqu l-impijiegi, start-ups li jkunu stabbilit f’pajjiżna għaliex b’dan il-mod inkunu verament qed niġġeneraw l-ekonomija tagħna bl-aktar mod sostenibbli.”
Il-BStart 2021 se tkun maqsuma f’żewġ partijiet, il-“Pre Business Plan,” fejn kumpanija tista’ tgawdi sa €10,000 fuq kull proġett u l-“Post Business Plan”.
Għal dawk l-iStart-ups li jippreżentaw Business Plan li huwa ekonomikament vijabli, jistgħu jingħataw għotja massima ta’ €200,000. Din l-għotja tkun maqsuma fuq perjodu li ma jaqbiżx is-36 xahar, b’€20,000 mqassam kull tliet xhur.
Fl-istess konferenza, ġie varat ukoll sit elettroniku ġdid, StartinMalta.com, bil-għan li jipprovdi informazzjoni dwar Malta bħala l-post ideali għall-investiment lokali u barrani.
Dan is-sit joffri informazzjoni differenti, fosthom dwar x’jagħmel lil Malta attraenti għall-investiment u informazzjoni dwar l-iskemi disponibbli għall-istart-ups.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, is-Sur Kurt Farrugia, sostna li skemi bħal dawn jagħmlu lil Malta bħala ġurisdizzjoni attraenti.
Is-Sur Farrugia sostna: “Ħa nkunu qed insaħħu l-eko-sistema ta’ start-ups lokali u internazzjonali b’hekk anke permezz ta’ inċentivi oħrajn u permezz tal-website StartInMalta qed naraw li Malta Enterprise u l-pajjiż ikun ġurisdizzjoni ta’ eċċellenza għall-iStart-ups lokali u internazzjonali.”