Il-Gvern ħabbar il-miżura li se twassal għall-eżenzjoni tat-taxxa tas-suċċessjoni fuq art agrikola, meta din tinkera lil terzi. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo, li qal ukoll li, minn din il-miżura, se jibbenefika s-sid li jkun għadu kif wiret art agrikola li tkun mikrija lil terzi u anke artijiet agrikoli li jintirtu minn bdiewa li jkunu meqjusin bħala bdiewa professjonali.
Dan se jfisser li werriet li se jiret art agrikola u li ma jkunx jista’ jieħu l-pussess totali tal-art f’idejh, se jkun qed jiġi eżentat mit-taxxa tas-suċċessjoni meta jiddikjaraha fuq il-kuntratt ‘causa mortis’.
Din il-proposta mhijiex immirata biss għall-werrieta, li għandhom l-art imqabbla lil terzi, iżda tapplika wkoll għal dawk il-werrieta li jkunu se jirtu art agrikola u huma stess jew xi ħadd minnhom ikun meqjus bħala bidwi professjonali.
Ta’ min isemmi li din il-miżura se tkun qed tapplika għal dawk id-dikjarazzjonijiet causa mortis, li tfisser dik il-persuna mingħand min wieħed ikun qed jiret l-art agrikola li tku qed tiġi mikrija lil terzi, tkun mietet wara l-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena.
Dwar dan spjegat iżjed il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Rizorsi Agrikoli Malta.
“Bażikament, hi mmirata primarjament li jirtu art agrikola li ma jistgħux jieħdu pussess totali tagħha, l-art f’idejhom. B’hekk ikunu jistgħu japplikaw biex jiksbu ċertifikat mill-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta u dan ikunu jistgħu jużawh anke mad-dikjarazzjoni ‘causa mortis’ biex jiġu eżenti mit-taxxa tas-suċċessjoni.”
Dwar din il-miżura kkummenta wkoll il-Ministru Anton Refalo.
“Naħseb kif qegħdin taraw qegħdin nagħmlu miżura ta’ inizjattivi, skemi li biha nsaħħu u nagħtu protezzjoni lill-art agrikola. Wara li, kif tafu, aħna għamilna konsultazzjoni, waqqafna l-aġenzija, issa ħa nieħdu pass ta’ kwalità ’l quddiem.”