Il-Gvern ħabbar proċess ta’ konsultazzjoni għal strateġija tat-turżimu għall-għaxar snin li ġejjin.
Dan tħabbar f’konferenza tal-Gvern fejn fiha ġie spjegat li Malta issa qed tħares ‘il quddiem lil hinn mill-pandemija sabiex tkun ċentru ta’ eċċellenza fil-qasam turistiku.
Il-Ministu għat-Turiżmu Clayton Bartolo spjega kif b’din l-istrateġija Malta se tkun ta’ quddiem sabiex tirpilja l-ekonomija mill-effetti tal-pandemija.
Huwa spjega li din l-istrateġija li tkopri s-snin mill-2021 sal-2030 tkopri 3 pilastri differenti.
Il-Ministru Bartolo stqarr: “Strateġija li se tkun mibnija fuq 3 pilastri prinċipali – Recover, rethink, revitalise. Il-ħsieb huwa li nibdew billi nirkupraw n-numri li konna qed niksbu b’mod konsistenti sal-2019. Ma jfissirx li matul dan is-sena se nkunu qed niksbu dawn in-numri imma se nibdew it-triq għal irkupru turistiku.”
B’dawn il-prinċipji, il-Ministru Bartolo qal li se jkun assigurat turiżmu ta’ kwalità u innovazzjoni f’dinja ta’ realtaijiet ġodda.
Il-Ministru Bartolo sostna: “Qed naraw ukoll l-aspett diġitali kif se jkun qiegħed jidħol u kif nistgħu aħna nsaħħu d-diġitizzazzjoni tal-prodott turistiku tagħna. Dawn huma kollha punti li fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qed nirfinawhom biex imbagħad mill-istrateġija joħorġu iżjed action plans li jieħdu ħsieb dawn il-punti kollha.”
Fil-fatt il-Ministru Clayton Bartolo spjega kif se jkun hemm pjan ta’ azzjoni għal Għawdex sabiex anke hawnekk il-pajjiż ikompli jiġbed lejh aktar investiment.
Il-konsultazzjoni pubblika dwar din l-istrateġija mistennija tieħu madwar tliet xhur.