Fil-Mużew tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta, l-Erbgħa filgħodu, tħabbret it-tieni edizzjoni tal-Malta Biennale.art bit-tema ‘Tnaddaf, Tgħarraf, Tferraq’. Din it-tieni edizzjoni tal-akbar vetrina artistika f’pajjiżna se tkun qed tittella’ mill-11 ta’ Marzu sad-29 ta’ Mejju 2026.
Bħal dik ta’ qabilha, l-edizzjoni li jmiss se tkun qed torbot l-arti kontemporanja mal-mużewijiet, il-palazzi u siti oħrajn storiċi li għandna f’pajjiżna, dejjem bir-rabta mat-tema ta’ din is-sena, li tevoka arti ta’ tiġdid kemm estetikament kif ukoll fuq livell personali.
Il-Malta Biennale 2026 se jkun qed jitfa’ dawl ukoll fuq affarijiet kritiċi li niffaċċjaw madwarna, inkluż fl-Arċipelagu Malti, b’arti u narrattivi li se jżewġu l-multikulturali mal-ġid komuni għall-isfidi tal-lum.
F’kumment ma’ ONE News, iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, elenka kif it-tieni edizzjoni tal-Malta Biennale se tkun qed tibni fuq l-ewwel waħda, filwaqt li tesplora arti kontemporanji ġodda.
“Hija t-tieni edizzjoni u hija binja fuq l-ewwel waħda, jiġifieri tgħallimna mill-esperjenza li tatna l-ewwel edizzjoni, se ssaħħaħ allura t-tieni edizzjoni. Li rrid ngħid hija li t-tieni edizzjoni hija importanti aktar mill-ewwel edizzjoni, għax it-tieni edizzjoni fiż-żgur se tkun qed tilgħab parti importanti biex tistabbilixxi l-MaltaBiennale fil-kalendarju dinji u dak hu ta’ ġid għal pajjiżna. L-ewwel wieħed diġaa poġġiena fuq il-kalendarju dinji tal-arti kontemporanja u din trid issammarna hemmhekk.”
Mario Cutajar, Chairman, Heritage Malta
Tkellmet magħna wkoll Rosa Martínez, id-direttriċi artistika b’aktar minn 30 sena t’esperjenza, li hi l-kuratriċi tal-Biennale.
Martínez, li kienet l-ewwel direttriċi artistika mara għall-Biennale ta’ Venezja fl-2005 fil-110 sena storja tiegħu, esprimiet l-entużjażmu tagħha li, għal darb’oħra, se tkun qed tmexxi proġett artistiku f’pajjiżna.
“But in the case of Malta it’s especially meaningful because, I will be able to work with all the main monuments of Heritage Malta, from the prehistoric temples, to the palaces and forts of the Knights, to the contemporary folk and popular art. So I really want to use my experience of all those years to create and bring to Malta all the knowledge, but to go beyond that, and to make a biennale that attracts the international public and local one too.”
Rosa Martinez, Diretriċi Artistika
Il-Ministru għall-Wirt Kultural, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici esprima sentiment ta’ sodisfazzjoni lejn il-MaltaBiennale.art, u faħħar l-impatt tiegħu lejn pajjiżna sabiex nistabilixxu ruħna bħala destinazzjoni artistika internazzjonali.
Is-sejħa għall-artisti bdiet mill-Erbgħa stess u se tibqa’ miftuħa sat-30 ta’ Ġunju li ġej, filwaqt għal sejħiet oħrajn loġistiċi, wieħed jista’ jżur is-sit www.maltabiennale.art.