Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar id-dettalji dwar it-tieni edizzjoni tal-attività “Sqaqien”, avveniment li se juri l-ġmiel uniku tar-raħal pittoresk ta’ San Lawrenz. Nhar il-5 ta’ April, mit-8:00 ta’ filgħaxija sal-11.00pm, l-edizzjoni ta’ din is-sena se toffri esperjenza artistika u kulturali unika, fejn dawk kollha li jżuru r-raħal ta’ San Lawrenz se jkunu jistgħu jgawdu mixja pittoreska li tgħaddi minn 14-il sqaq rurali, kull wieħed b’element artistiku distint. Se jkun hemm ukoll sqaq iddedikat għat-tfal.
Il-Ministru Clint Camilleri saħaq fuq l-importanza ta’ avveniment bħal dan li jservi ta’ pjattaforma biex jintwerew il-wirt rikk u l-kreattività tal-artisti lokali. “Hija opportunità biex inkomplu nsaħħu l-identità tagħna u nuru l-ospitalità li aħna magħrufin għaliha. Fuq kollox sabiex inkomplu nagħmlu lil Għawdex bħala destinazzjoni unika.” Huwa rringrazzja lill-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz għal din l-inizjattiva, kif ukoll lill-artisti u lil kull min qed jaħdem biex dan l-avveniment seta’ jkun possibbli.
Min-naħa tiegħu s-Sindku ta’ San Lawrenz Noel Formosa stqarr li “Sqaqien” huwa avveniment li mhux biss ser joħloq spettaklu kulturali wieħed imma f’lejla waħda jagħti għadd ta’ spettakli fl-ambjent mill-isbaħ tal-isqaqien li San Lawrenz huwa mogħni bihom. Huwa qal li din l-attività kienet possibbli li tittella’ grazzi għall-kooperazzjoni bejn il-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz, id-Direttorat tal-Gvern Lokali u d-Direttorat tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi ħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi għal dan l-avveniment uniku fit-toroq u fl-isqaqien ta’ San Lawrenz li jiċċelebra l-kultura u l-arti tal-komunità Għawdxija.
Għal aktar informazzjoni dwar dan l-avveniment wieħed jista’ jidħol fuq https://eventsingozo.com/event/sqaqien/