L-Uffiċċju tal-President qed iniedi sensiela ta’ simpożji kulturali bil-għan li jiġu esplorati u spjegati r-rabtiet storiċi u kulturali uniċi ta’ Malta ma’ pajjiżi sħab importanti.
‘Is-Sensiela ta’ Simpożji tal-Presidenza dwar il-Kultura’ ser tistinka wkoll biex toffri l-kultura bħala għodda diplomatika f’idejn l-ogħla uffiċċju tal-Istat filwaqt li trawwem id-djalogu u l-iskambji kulturali bejn l-esperti u r-riċerkaturi fiż-żewġ pajjiżi u lil hinn minnhom.
Il-President ta’ Malta George Vella qal kif l-iskambju ta’ ideat, informazzjoni, arti, lingwi u aspetti oħra tal-kultura fost in-nazzjonijiet u l-popli tagħhom irawwem ftehim reċiproku.
Is-sensiela ser tibda b’simpożju li ser isir fl-istess waqt fuq servizz ta’ konferenza virtwali u fuq il-paġna tal-President fuq Facebook b’kollaborazzjoni mal-Ambaxxata tar-Repubblika Franċiża f’Malta. Taħt it-tema Malta u Franza: Passat Kondiviż, Viżjonijiet Ġodda, din ser issir nhar il-Ġimgħa, 7 ta’ Mejju 2021 fid-9am.
Is-simpożju ser jiġi indirizzat mill-President ta’ Malta, Segretarju tal-Istat ta’ Franza għall-Affarijiet Ewropej, Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Ambaxxatriċi tar-Repubblika Franċiża għal Malta, Ambaxxatur ta’ Malta għar-Repubblika Franċiża u numru ta’ kelliema interessanti li ser ikopru diversi aspetti tar-rabtiet storiċi u kulturali bejn iż-żewġ pajjiżi.
Kull min hu interessat jipparteċipa permezz tas-servizz ta’ vidjowkonferenza jista’ jirreġistra billi jibgħat email fuq oprculturesymposia@gov.mt.